Attivitajiet Kulturali
Ċans li dduq ikel tal-Perjodu Neolitiku, il-Perjodu tat-Tempji u Żmien il-Bronż

Heritage Malta, permezz tat-taqsima Taste History fi ħdanha, se torganizza avveniment kulinari uniku li jirrappreżenta l-5,000 sena tal-preistorja Maltija, nhar is-Sibt 6 ta’ Marzu fis-19:30 fil-Mużew Marittimu, il-Birgu.

Din se tkun l-ewwel darba li Taste History timraħ lil hinn mill-mogħdijiet tal-istorja aktar riċenti ta’ pajjiżna u tidħol tqalleb fis-saffi tal-preistorja. Dan l-avveniment se jkun il-pass naturali li jmiss wara s-suċċess tal-attività li saret is-sena li għaddiet fit-Tempji ta’ Ħal Tarxien u li kienet tittratta dwar issorsi tal-ikel fi żmien il-preistorja.

Bl-isem Taste Prehistory, l-avveniment tas-6 ta’ Marzu se jkun jikkonsisti f’ikla bilqiegħda għal 40 persuna li se jduqu ftit mill-ikel li kien jiġi kkonsmat matul perjodi differenti tal-preistorja Maltija, jiġifieri l-Perjodu Neolitiku, il-Perjodu tat-Tempji u Żmien il-Bronż.

Il-menù li tfassal għal din il-lejla joffri taħlita ta’ ikel li, minn fdalijiet arkeoloġiċi li nstabu u minn studji xjentifiċi li saru, ġie stabbilit li kien jittiekel fil-perjodi msemmija. Minbarra l-laħam ta’ tnejn mill-iżjed annimali komuni li l-fdalijiet tagħhom instabu f’siti preistoriċi lokali, dawk preżenti se jduqu żrieragħ varji li maż-żmien ġew sostitwiti fil-popolarità mill-qamħa komuni, kif ukoll il-frott ta’ siġar li hu magħruf li kienu jikbru f’pajjiżna fi żmien il-preistorja.

Ix-chef ta’ Taste History, Joseph Cassar, se jħejji l-ikel fuq il-post, b’ingredjenti prodotti lokalment li lkoll huma sostenibbli. Se jiġi servut ukoll inbid matul l-ikla kollha. Għalkemm ma għandniex evidenza dwar l-inbid fi żmien il-preistorja, ir-rabtiet kummerċjali ta’ dak il-perjodu huma magħrufa u l-inbid servut se jkun qed jiċċelebrahom.

Sharon Sultana, Kuratriċi Anzjana fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, u Josef Caruana, Kuratur tasSiti Preistoriċi fi ħdan Heritage Malta, se jagħtu tagħrif fil-qosor dwar il-perjodu preistoriku Malti, bilfdalijiet arkeoloġiċi u l-istudji xjentifiċi li ġew konsultati fit-tfassil tal-menù jiġu spjegati wkoll matul illejla.

Fuq il-post se jkun hemm ukoll uħud mill-artefatti li l-kuraturi se jsemmu fit-taħdita tagħhom. Għallewwel darba fl-eżistenza tagħhom twila 5,000 sena, dawn l-artefatti se jkunu esebiti flimkien filKottonera u se jkomplu jkattru l-valur ta’ dan l-avveniment uniku u esklużiv.

Il-biljetti għal Taste Prehistory jinxtraw minn hawnhekk.

Dan l-avveniment se jsir f’osservanza stretta tar-regolamenti tas-Saħħa Pubblika dwar il-Covid-19. Għal aktar tagħrif żur is-sit www.heritagemalta.org.