Attivita'
Ċans li tiltaqa’ mal-veterani tal-HMS St Angelo

Biex issaħħaħ il-mod pożittiv li bih qed tintlaqa’ l-esebizzjoni ‘Behind Closed Doors: Fort St Angelo & the Royal Navy 1906-1979’, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għall-avveniment ‘Memory Box’ li se jsir fil-Forti Sant’Anġlu, nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Ġunju.

Intervisti ‘live’ ma’ ex-impjegati ta’ HMS St Angelo se jintroduċu dan l-avveniment. Dawn se jiżvelaw aktar informazzjoni interessanti dwar ir-rwoli u l-użu ta’ dan il-forti bħala stabbilment navali tal-Flotta Rjali. Fi tmiem din l-intervista, il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jiddiskuti ma’ dawn il-veterani. Il-parteċipanti jistgħu wkoll iżuru din l-esebizzjoni. Se jkun hemm għażla ta’ prodotti għall-bejgħ, fosthom il-katalgu tal-esebizzjoni li għal dil-ġurnata se jkun bi prezz imraħħas.

Din hija opportunità għal individwi oħra li servew f’HMS St Angelo sabiex jiltaqgħu mal-ex-kollegi u ħbieb tagħhom. Barra minn hekk, għal dawk li jixtiequ jaqsmu l-memorji tagħhom, Heritage Malta se tkun qed tiffilmja u tirrekordja intervisti qosra.

Dawk li jixtiequ jiġu intervistati huma mistiedna jikkuntattjaw lil Heritage Malta billi jibgħatu email lill-Kuratur Prinċipali, Matthew Balzan fuq [email protected]

Għal dawn l-aħħar 8 snin, aktar minn 50 oġġett, fosthom uniformijiet u dokumenti navali, ngħataw b’donazzjoni lil Hertage Malta ħalli jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali. Dawn id-donazzjonijiet qed jibqgħu deħlin waqt din l-esebizzjoni li qed tqanqal sens ta’ nostalġija u kburija fost dawk li kienu nvoluti f’din il-fażi importanti tal-istorja ta’ pajjiżna. Infatti, numru ta’ persuni għażlu li jagħtu xi oġġetti personali sabiex parti minn ħajjithom tiġi ddokumentata, imfakkra u ppreservata fil-kollezzjoni nazzjonali. F’din il-ġurnata, uffiċċjali ta’ Heritage Malta se jkunu preżenti biex jirċievu xi oġġetti li l-pubbliku jkollu pjaċir li jgħaddi lill-Aġenzija.

Ikel u xorb ħafif se jkun għall-bejgħ waqt dan l-avveniment li se jsir ġewwa s-Sala Egmont fil-Forti Sant’Anġlu, il-Birgu.

Ħin: 6.30pm (il-forti jagħlaq fl-10.00pm). Dħul bla ħlas.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Wara li minħabba l-COVID-19 Pro Wrestling Malta kellha tħassar ix-xow tagħha, se terġa’ tidħol fix-xena b’avveniment spettakolari u l-ewwel darba tax-xorta tiegħu f’Malta. Timmaġina l-wrestling jitwaħħad mal-mużika? Hekk se jiġri fl-avveniment…

Attivita'

Heritage Malta tħabbar li ser jerġa jibda l-programm popolari tas-sajf tal-Passaport tal-Istudenti biex tkompli tiżdied l-aċċessibiltà għall-wirt kulturali. Dan il-Programm li jara l-bidu tiegħu nhar it-Tlieta, 21 ta’ Lulju 2020…

Attivita'

Sitt kumplessi tan-nar barranin u wieħed lokali se jieħdu sehem fid-19-il edizzjoni tal-festival internazzjonali tal-logħob tan-nar li din is-sena se jsir fl-aħħar ta’ dan ix-xahar u fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu….

Attivita'

Għal sena oħra, l-Għaqda tal-Malti qiegħda tikkollabora mad-Dipartiment tal-Malti fl-Università sabiex torganizza t-taħdita #tunattoga… u mbagħad? F’din it-taħdita se jipparteċipaw seba’ kelliema, ilkoll gradwati tal-Malti jew li segwew xi kors…

Aktar