Wirja
Casa Antonia b’wirja mill-artist u maestro Pawlu Grech

Għażla ta’ pitturi mpittra minn Chevalier Maestro Pawlu Grech se tkun għall-wiri f’Casa Antonia Nursing and Residential Home f’Ħal Balzan. Imsemmija REST-ROSPECTION u kkurata minn Amanda Tabone, il-wirja se tinfetaħ uffiċjalment nhar il-Ħamis 7 ta’ Ġunju 2018, festa pubblika, fl-10.30am. Dakinhar, Casa Antonia se jkollha Open Day għall-pubbliku bħala parti mill-15-il anniversarju tagħha.

Matul il-karriera artistika estensiva tiegħu, Pawlu Grech kiseb għarfien kemm bħala mużiċist, kompożitur u artist viżiv. Fil-pitturi tiegħu, irnexxielu jinseġ il-mużika fl-arti astratta. Ix-xogħlijiet tiegħu jinkludu mixed media, gouache, tpinġijiet tal-lapes, oil pastels u akwarelli. Ħafna mix-xogħlijiet tiegħu llum jinsabu f’kollezzjonijiet privati f’Malta kif ukoll barra.

Imwieled il-belt Valletta fl-1938, Pawlu Grech rebaħ borża ta’ studju fl-età ta’ 16-il sena biex studja fil-Conservatorio Santa Cecilia, fejn matul l-għaxar snin li għamel hemmhekk rebaħ unuri għat-talent notevoli tiegħu, muri fl-oriġinalità tal-kompożizzjonijiet bikrija tiegħu. Waqt li kien Ruma, kompla bl-istudji tiegħu fil-pittura f’dik li kienet Scuola Galli. Sentejn wara li kiseb diploma tal-pjanu, fl-1964 rebaħ borża ta’ studju f’Londra biex ikompli t-taħriġ tiegħu fit-tmexxija ta’ orkestra u l-kompożizzjoni. Sena wara, fl-1965, kiseb l-premju Ricordi għat-tmexxija tal-orkestra. Fl-1968 kellu stedina mil-London BBC Radio 3 biex imexxi l-English Chamber Orchestra. Hu kompla jikkomponi taħt it-tutela tal-famuż mużikologu Awstrijak Hans Keller. Ħafna mill-kompożizzjonijiet tiegħu xxandru f’Londra, l-Italja u l-Ġermanja bejn l-aħħar tas-snin 70 u t-tmeninijiet.

Sadanittant il-karriera tiegħu fil-pittura ukoll iffjorixxiet waqt li kien jgħix f’Londra. Ix-xogħlijiet tiegħu kienu esebiti f’Yehudi Menuhin School f’Cobham f’Surrey. Barra minn hekk, il-wirja prestiġjuża “In Praise of Small Format in Contemporary Art”, li saret fis-Centre Culturel Christiane Peugeot f’Pariġi, ukoll kellha l-pitturi ta’ Grech għall-wiri. F’Malta, ipparteċipa f’diversi wirjiet kollettivi u oħrajn solo, filwaqt li x-xogħlijiet tiegħu kienu ippubblikati f’numru ta’ pubblikazzjonijiet.

Fl-1986, wara kważi 32 sena, Pawlu Grech reġa’ lura lejn Malta fejn kompla jkollu rwol attiv kemm fil-qasam mużikali kif ukoll fil-pittura. Fl-2000, il-karriera artistika twila u ta’ suċċess tiegħu kienet ippremjata bit-titlu Chevalier Académique mid-diretturi tal-Accademia Internazionale Greci-Marino Accademia del Verbano di lettere, arti, scienze ta’ Vinzaglio fl-Italja.

Casa Antonia Nursing and Residential Home qed tistieden lill-pubbliku biex matul is-7 ta’Ġunju iżur id-dar u jiltaqa’ mat-tim iddedikat għall-kura tal-anzjani. Se jkun hemm numru ta’ attivitajiet divertenti li jvarjaw minn mużika u arti sa stands artiġjanali u tal-ikel.

Il-wirja tal-pitturi se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sas-7 ta’ Lulju 2018 għand Casa Antonia, li tinsab f’Pope Alexander VII Junction, Ħal Balzan, kuljum bejn l-10am u s-7pm.

Matul l-Open Day, ser ikun hemm refreshments, u l-viżitaturi jistgħu jużaw b’xejn il-parkeġġ li jinsab fl-Iskola Primarja tal-Kulleġġ San Alwiġi (magħrufa bħala Stella Maris School). Se jkun hemm ukoll shuttle service b’xejn.

Aħbarijiet Oħra
Wirja

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum Ħal Safi, fi tmiem dil-ġimgħa, Heritage Malta qed tippreżenta l-esebizzjoni ‘Core and Periphery: Mdina and Safi in the 9th and 10th centuries’ fil-bini tal-Kunsill Lokali…

Wirja

Maħsub biex iservi bħala sors ta’ ispirazzjoni fix-xena tal-arti lokali, il-mużew il-ġdid tal-arti ta’ Heritage Malta, MUŻA, qed jistieden lill-pubbliku għall-ewwel laqgħa mal-Arti Moderna u Kontemporanja permezz ta’ taħdita li…

Wirja

Bħala parti mill-introduzzjoni għat-tibdil fis-sistema’ edukattiva li se tibda f’Settembru 2019, il-Mede qed ittella’ diversi wirjiet bit-titlu ta’ L-Alternattiv mhux Inferjuri. F’ Settembru 2019 se naraw l-introduzzjoni tal-My Journey fejn…

Wirja

Nhar il-Ħadd, 23 ta’ Diċembru, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, se jkun miftuħ għall-pubbliku bla ħlas. L-esebiti ġewwa dan il-mużew ikopru żmien twil li jibda mill-Perjodu Neolitiku (5,200 QK) u…

Aktar