Attivita'
Daqq sinkronizzat tal-qniepen fil-knejjes tal-Kottonera

Għall-ewwel darba f’Malta, il-qniepen ta’ diversi knejjes fil-Kottonera se jindaqqu b’mod koordinat u se jinstemgħu mat-toroq tat-Tliet Ibliet.

Id-daqq tal-moti mill-qniepen tal-knejjes tal-madwar tal-Kottenera se jiġi koordinat b’mod li joħloq atmosfera unika fil-Kottonera għax se jkun minsuġ f’dak li jista’ jissejjaħ kunċert ta’ qniepen, bl-isem ta’ ‘Peal’.

L-erba’ knejjes li qed jieħdu sehem f’dan il-proġett huma l-Bażilika tal-Vitorja tal-Isla, il-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu, il-Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla, u fl-aħħar se jindaqqu l-qniepen tal-knisja ta’ Santa Tereża ta’ Bormla, li huma sett ta’ qniepen speċjali ħafna b’ħoss sinfoniku u intunat li jispikka.

Dawn il-qniepen se jkunu qed jindaqqu minn 25 ruħ fl-istess ħin, taħt id-direzzjoni tal-kampanologu Kenneth Cauchi, li kkoordina l-avveniment kollu.

Huwa spjega li dan l-avveniment qatt ma sar qabel, minkejja xi tentattivi, għax jirrikjedi koordinazzjoni perfetta, li llum saret possibbli biss grazzi għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni.

Il-pubbliku se jkun jista’ jisma’ l-moti bejn is-7pm u t-8pm nhar it-Tnejn 23 ta’ Settembru 2019 minn madwar il-Baċir Nru 1, li ġeografikament jinsab tista’ tgħid fin-nofs ta’ dawn il-qniepen kollha u għaldaqstant igawdi mill-aħjar akustika.

Madanakollu l-ħoss se jkun qed jinstema’ wkoll mal-Kottonera kollha.

L-avveniment huwa parti minn sensiela ta’ avvenimenti artistiċi marbutin mas-sensi tal-proġett AMuSE mmexxi mill-Malta Society of Arts b’fondi mill-programm Creative Europe tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar tagħrif żuru http://www.artsmalta.org/events

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Nhar il-Ħadd, 20 t’Ottubru, Heritage Malta se tiftaħ it-tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien bla ħlas għall-pubbliku. Dawn it-tempji antiki li nbnew bejn it-3600QK u l-2500QK huma mniżżla fil-Lista tal-Wirt Dinji…

Attivita'

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2019, l-aktar ċelebrazzjoni tal-ktieb importanti fis-sena, se jiftaħ għall-pubbliku nhar l-Erbgħa 6 ta’ Novembru b’konferenza dwar il-letteratura tal-fantaxjenza bl-isem ‘Strange New Worlds’. Il-konferenza se tkun organizzata mill-Kunsill…

Attivita'

Wara 100 sena minn twelidu, il-Belt Valletta se tħaddan fiha l-kommemorazzjoni ta’ wieħed minn uliedha; l-artist Esprit Barthet. Mwieled il-Belt fis-6 t’Ottubru 1919, Barthet għadu rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa artisti…

Aktar