Arti
Dawl fuq Mattia Preti: Studenti mistiedna għal attività artistika fil-MUŻA

Bħala Mużew Nazzjonali tal-Arti u tal-komunità, MUŻA regolarment joħloq attivitajiet differenti li jwasslu għarfien ġdid filwaqt li joħolqu interess fil-viżitaturi ġodda. Nhar is-Sibt, 1 t’Awwissu, Heritage Malta qiegħda tistieden studenti mill-età ta’ 12 sa 16 il-sena biex jattendu għal attività artistika bl-isem Lights on Mattia Preti li ser issir fil-MUŻA.

Din l-attività ser tkun imsawra madwar l-aħħar akkwist artistiku għall-kollezzjoni nazzjonali mill-Gvern Malti, li jikkonsisti fix-xogħol monumentali Boezju u l-Filosofija ta’ Mattia Preti.

Il-pittura turi lill-filosofu Kristjan Ruman Boezju (c. 480-524WK) li qed jiġi kkonfortat mill-allegorija tal-Filosofija waqt li kien jinsab il-ħabs jistenna l-eżekuzzjoni. Probabbli, dan ix-xogħol ġie kummissjonat madwar l-1680 mill-Kavallier Fra Andrea di Giovanni. Wara mewtu, il-pittura għaddiet għand l-Ordni u kienet esebita fil-Palazz tal-Gran Mastru mill-inqas sal-1820. Madanakollu, jidher li f’xi żmien, din il-pittura għosfrot minn gżiritna.

Dis-sena, dan it-teżor artistiku sab ruħu lura d-dar u issa jista’ jiġi apprezzat mill-pubbliku. Il-pittura hija tipika tal-aħħar xogħolijiet ta’ Preti meta dan l-artist żviluppa stil aktar profond u meditattiv li jesprimi kompożizzjonjiet bi skala ta’ ftit kuluri, ibbażati fuq il-logħba sottili bejn id-dawl u d-dlam.

Dawk li ser jipparteċipaw se jattendu għal diskussjoni li tispjega l-ġrajja u l-kwalitajiet artistiċi ta’ dan ix-xogħol ta’ Preti. Wara huma se jkunu jistgħu jmiddu jdejhom fuq taħriġ bażiku artistiku li hu relatat ma’ din il-pittura.

L-avveniment huwa bla ħlas. Jistgħu jattendu studenti li għandhom il-Passaport ta’ Heritage Malta.

Għal aktar tagħrif, żur is-sit www.heritagemalta.org jew il-paġna tal-Facebook.