Attivitajiet Kulturali
Dimitri u Dominic b’diversi mistoqsijiet fi dramm tal-passjoni f’Ħad-Dingli

Drammi tal-Passjoni, wieħed sar isibhom f’kull belt u raħal f’Malta. Storja tirrepeti ruħha, forsi bi ftit kliem differenti, imma xejn ġdid. U kien propju dan li l-Għaqda Talent Dingli ma xtaqitx li tibqa’ tagħmel. Tul dawn l-aħħar 5 snin, din l-għaqda f’Ħad-Dingli, li ilha mwaqqfa sa mill-1987 u ilha tul dawn l-aħħar snin ittellgħa drammi tal-passjoni, ħadet ħsieb biex dik l-udjenza li tiġi tara d-dramm li torganizza hi, tieħu xi ħaġa magħha u tgħinha tirrifletti fuq il-ħajja personali tagħha u tara fejn verament qegħda fil-ħajja spiritwali tagħha.

Tul dawn l-aħħar snin l-Għaqda Talent Dingli tellgħet drammi bħal Christus Vincit, Fejn Sejjer ja Midneb?, Għaliex Jien?, U li kieku Ġuda kienet mara? Kollha kemm huma b’kitba oriġinali għall-Għaqda Talent Dingli stess u kollha kemm huma jieħdu l-ħajja ġewwa Xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija li jinsab propju taħt l-iskola Primarja tal-Lokal.

Dan l-istil li addattat l-Għaqda Talent Dingli intgħoġob ħafna u huwa wieħed imfittex sew. L-udjenza tkun sa massimu ta’ għoxrin persuna kull rappreżentazzjoni u kull rappreżentazzjoni ddum madwar siegħa. Ħaġa oħra li jagħmel dawn id-drammi uniċi huwa l-fatt li l-udjenza tkun parteċipi fir-rappreżentazzjoni fejn l-udjenza u l-atturi jitħalltu flimkien.

Din is-sena xejn anqas! Id-dramm li l-Għaqda Talent Dingli għażlet iġib l-isem ta’ ‘Int… x’ser tagħmel?’ F’dan id-dramm li fih jieħdu sehem madwar 35 ruħ, ser niltaqgħu mal-atturi prinċipali Dimitri u Dominic jew aħjar id-Di u d-Do. Id-Di u d-Do ser ilaqqgħuna ma’ episodji mill-ħajja ta’ Kristru u ser jgħinuna nirriflettu u nxebħuhom ma’ partijiet mill-ħajja tagħna. Dawn iż-żewġ karattri flimkien ser jgħinuna nagħżlu. Ser jgħinuna nagħmlu għażla bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn is-sabiħ u l-ikrah tal-ħajja, bejn id-dlam u d-dawl u fl-aħħar bejn Alla u x-Xitan. Dramm li ser iqanqal fl-udjenza ħafna mistoqsijiet iżda ċerti illi kulħadd ser joħroġ mix-xelter aktar kunxjenzjuż milli daħal sittin minuta qabel.

Dan id-dramm għandu l-kitba ta’ Janine Caruana, waħda mill-membri tal-Għaqda Talent Dingli stess u għandu d-direzzjoni ta’ Adam Zahra bil-għajnuna ta’ Audrey Galea u Janine Caruana stess. Kull rappreżentazzjoni ddum madwar siegħa u b’kollox hemm 33 rappreżentazzjoni. Booking huwa rikommandat. Biex jibbukja jew għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel 79251195 jew 99821133 jew jibgħat email fuq [email protected]

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

Nhar il-Ħamis li ġej, 25 t’April, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għas-sitt sessjoni Milk in the 17th and 18th Century Malta, li se tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. Waqt dan l-avveniment,…

Attivitajiet Kulturali

Il-Karnival huwa wieħed mill-eqdem festivals storiċi f’Malta, bi ftit inqas minn ħames sekli ta’ storja kkreditata u dokumentata li tmur lura għal żmien il-Kavallieri f’Malta. Kreazzjonijiet artistiċi ġodda jinħolqu waqt…

Attivitajiet Kulturali

Bejn il-25 ta’ Jannar u s-17 ta’ Frar se tittella’ s-7 edizzjoni tal-festival tal-arti u kultura Kristjana fir-Rabat (Malta), b’enfasi fuq il-kult Pawlin. Il-festival organizzat mill-Fondazzjoni Paulus jikkonsisti f’9 attivitajiet…

Produzzjoni

Żgur li min għandu għal qalbu l-kummiedja Maltija, xi darba jew oħra sema’ b’din il-kummiedja Ejja tabib għax għandi t-taqlib miktuba mill-awtur Manwel Haber. Din il-kummiedja li ttellgħet 35 sena…

Aktar