X

Esebizzjoni b’armar tal-festi tal-każini f’Malta

Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna Tal-Grazzja ta’ din is-sena, kif ukoll fl-okkażjoni tal-135 sena mit-twaqqif tal-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883, il-Kummissjoni Żgħażagħ Bajdisti fi ħdana ser terġa’ torganizza l-Esibizzjoni Nazzjonali tal-Briju u l-Armar għat-tieni sena konsekuttiva bil-kollaborazzjoni tal-Malta Community Chest Fund.

Din l-esebizzjoni ser issir fit-Triq il-Kbira, it-triq prinċipali li tagħti għal-każin, quddiem il-pjazza tal-Kazin magħrufa bħala Misraħ is-Sliem u Misraħ San Ġakbu, nhar is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2018 mis-7pm ‘l quddiem fejn fit-8pm l-Banda San Mikiel ser tilqa’ lill-President ta’ Malta quddiem is-Sede tal-Każin biex imbagħad wara tiġi uffiċjalment imwaqqfa is-‘St. Michael School of Arts’.

Għal din l-esibizzjoni, il-każini kollha ta’ Malta u Għawdex qed jiġu mistiedna sabiex jesebixxu biċċa ta’ armar (bandalora jew pavaljun) kif ukoll xi armar tal-briju li jintrama fi żminijiet tal-festi.

Matul din is-serata, ser ikun hemm ukoll spettaklu ta’ kant u żfin kif ukoll diversi stands tal-ikel. Matul din l-attività ser isir ġbir b’ risq il-Malta Community Chest Fund. Il-Każini kollha li ser jipparteċipaw ser jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni mill-President ta’ Malta.

Din l-attività ser tkun okkażjoni unika fejn armar differenti minn diversi lokalitajiet ser jiġi esebit f’ post wieħed.

L-Għada l-Ħadd 26 ta ‘Awwissu, ser terġa’ tiġi organizzata wkoll iż-Żabbar 5K and 3K Fun Run madwar Ħaż-Żabbar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.