Attivita'
Faxex – dramm tal-passjoni mtella’ mill-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin

Sa mill-1974, bi storja ta’ 45 sena, il-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin dejjem ħadmet qatigħ biex ittella’ dramm tal-passjoni għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Dan id-dramm illum tista’ tgħid huwa sinonimu mal-ġranet tar-Randan u dawn l-festi tradizzjonali, kulturali u reliġjużi, li huma mfittxija sew fil-gżejjer Maltin. Id-dramm tal-Kumpanija Teatrali Dumnikani Beltin jista’ jitqies bħala l-aktar wieħed antik f’Malta u minn dejjem kien minn ta’ quddiem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kostumi elaborati u tal-epoka ta’ Kristu, xeni spettakolari u ta’ kwalità għolja li jinbidlu minn sena għall-oħra, mużika u effetti viżwali li jkomplu jdaħħluk aktar fl-atmosfera ta’ dan il-perjodu għal qalb ħafna dilettanti Maltin.

Id-dramm tal-2019 għandu t-titlu ta’ FAXEX, li jorbot direttament mal-karattru li miegħu se ddur l-istorja kollha ta’ din is-sena. Fl-istess waqt il-faxex huma wkoll użati bħala metafora tal-irbit tad-dnub li l-bniedem vulenerabbli minn dejjem kien maħkum u marbut miegħu sa mill-ewwel żminijiet tad-dinja. Tgħid għad xi darba ninħallu minn dawn il-faxex? U min jista’ jgħinna ninħalqu minn dan l-irbit?

L-istorja tad-dramm ta’ din is-sena ħarġet mill-pinna ta’ Etienne Micallef li fil-passat tagħna drammi oħra bħal Mnara Dawl, is-Siġra tal-Ħajja u Vera Ikona li kiseb ħafna kliem ta’ tifħir meta ttella’ fl-2017. Id-direzzjoni se tkun tal-veteran Frank Micallef, li għandu għeruq sodi sew marbuta ma’ dawn it-tip ta’ drammi tal-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Fl-istorja ta’ din is-sena niltaqgħu mal-ħabib kbir ta’ Ġesu’, Lazzru u l-familja tiegħu, fejn narawhom fi vjaġġ tul il-ħajja tagħhom, minn ċkunithom sakemm Ġesu’ jgħaddi mill-passjoni u ftit wara l-qawmien jagħti l-missjoni lid-dixxipli qabel jitla’ fis-sema. Fost dawn id-dixxipli jkun hemm Lazzru u ħutu li jkunu minn tal-ewwel li jibdew jxandru lil Kristu bħall-appostli. Fid-dramm jispikka l-karattru tal-Lazzru li se narawh minn lenti xi ftit differenti minn kif forsi mdorrijin narawh. Lazzru jkun twieled bi problemi fiżiċi u jkun għex tista’ tgħid b’miraklu. Biss fiż-żgħożija tiegħu jmut għall-għarrieda, b’mewt li tiġi bħal sajjetta fil-bnazzi. Iżda kif jaf kulħadd hu jerġa’ jieħu l-ħajja b’mod grandjuż minn sieħbu Ġesu’. Imma x’jiġri minn wara dan il-mument li kulħadd jaf bih? Il-qassisin xejn ma jieħdu gost b’dan l-episodju tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru u jkunu tal-fehma li Lazzru u Ġesu’ jkunu ftehmu bejniethom biex iqarrqu bil-poplu. Huma jagħmlu minn kollox, biex minbarra li jwarrbu lil Ġesu’ min-nofs jeħilsu wkoll minn Lazzru li skont huma jkun qed ixerred dawn ix-xnigħat tal-qawmien mill-mewt tiegħu u qed jagħmel ħsara rreparabbli lill-qassisin.

X’hemm lest għall-familja ta’ Lazzru u ħutu? Il-qassisin jirnexxielhom jaqbdu lil Lazzru u jagħtuh lezzjoni għall-qlajja, li skont il-fehma tagħhom, ikun ivvinta? U Lazzru kif se jispiċċa jidħol saħansitra quddiem Pilatu minkejja għassa stretta mal-fortizza? Dawn u diversi domandi oħra jsibu t-tweġiba tagħhom kemm-il darba wieħed jattendi għad-dramm.

Se jsiru tliet rappreżentazzjonijiet fis-sala Dumnikana fil-Belt Valletta. Dawn se jkunu t-Tnejn 15 t’ April 2019 fis-7:15pm, l-Erbgħa 17 t’April 2019 fis-7:15pm, u l-Ġimgħa 19 t’April 2019 (il-Ġimgħa l-Kbira) fid-9:30am fis-sala San Duminku Triq il-Merkanti l-Belt Valletta. Biljetti jistgħu jinkisbu mingħand Joe Zammit fuq 99451909.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti qed ittella’ esebizzjoni tal-mużajk Of Land and Sea minn Raymond Aquilina u Flavia Marmara. Raymond Aquilina u Flavia Marmarà huma żewġ kollegi u artisti appasjonati fl-arti tal-mużajk….

Attivita'

Għada, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal laqgħa kommemorattiva f’isem l-iskultur Frans Galea, fil-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA. F’dan l-avveniment se jattendu familjari u ħbieb ta’ Galea biex jaqsmu…

Attivita'

Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Mejju, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-NGO Friends of Villa Frere qed jistiednu lill-pubbliku biex iżur il-ġonna kurjużi ta’ Villa Frere f’Tal-Pietà. Għalkemm fl-aqwa żmien tiegħu dan il-post…

Attivita'

Il-Ġimgħa 17 ta Mejju, mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar, fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà, f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, ser ikunu qegħdin jorganizzaw it-tieni edizzjoni…

Aktar