Maratona
Għinuna Ngħinukom: Sejħa għall-fondi mill-Community Chest Fund

Fix-xhur li għaddew il-karus nazzjonali ta’ solidarjetà amministrat mill-fondazzjoni Malta Community Chest Fund baqa’ jgħin mijiet ta’ persuni, bi ħruġ regolari ta’ ‘l fuq minn miljun ewro fix-xahar. Effett tal-pandemija iżda d-dħul naqas sostanzjalment. Biex tkun f’pożizzjoni tibqa’ tgħin it-talbiet ġenwini li tirċievi, il-fondazzjoni ħabbret żewġ inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi maħsuba biex jerġa’ jaqbad ir-ritmu tad-dħul finanzjarju.

“Min-nofsinhar sa nofs il-lejl” hi l-frażi li nisimgħu ta’ kull sena għall-programm: L-ISTRINA; l-għada tal-Milied. Din is-sena qed issir sejħa bikrija lill-Maltin għall-ġenerożità fi programm ieħor maratona nhar il-Ħadd 20 ta’ Settembru li se jixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin fosthom Television Malta. Mifrux fuq 12-il siegħa, il-programm “Għinuna Ngħinukom” se jkollu l-għan li jiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund fi żmien fejn il-fondi naqsu fosthom għaliex ma jistgħux jiġu organizzati attivitajiet tal-massa, iżda mhux biss kif spjega l-President George Vella.

“Kull min jiddependi fuq il-fondi jgħidlek li dak li jkun hu reluctant li qabel forsi kien jaghtik €10 u llum jagħtik €5. Min tilef il-post, minghandu negozju mhedded jew mhux jiffunzjona. Irid ikollok il-gutz li tmur għandu u titolbu biex itik jew tippretendi li jagħtik dak li tak qabel. Dan nifhmuh u ghandna simpatija enormi,” qal il-President ta’ Malta George Vella.

Fi preżentazzjoni dwar il-qagħda tal-Community Chest Fund, iċ-chairperson tal-bord amministrattiv tal-fondazzjoni qalet li t-talbiet għall-għajnuna żdiedu u l-flus fil-fond naqsu. Bil-fond joħroġ aktar minn €1m f’għajnuniet, is-Sinjura Mizzi rrimarkat li l-pandemija waqqfet ħafna affarijiet, iżda mhux il-każi ta’ kanċer u ċirkustanzi ta’ faqar.

“Ma nixtieqx nara li l-membri li qegħdin fuq il-kumitat mediku jew il-kumitat soċjali jgħidu isma dan każ ġust imma mhux se nagħtuh għax m’ghandniex flus. Dik ma nistax nimmaġinaha. L-efforts li qeghidn nagħmlu hu biex il-flow ikompli dieħel,” qal il-President ta’ Malta George Vella.

Skema oħra mnedija mill-President George Vella hi stedina lill-ħaddiema biex min irid jagħti xi ħaġa fix-xahar mill-paga lill-Community Chest Fund. Dr Vella qal li diversi kumpaniji diġà impenjaw ruħhom li jikkollaboraw fit-tħaddim tal-iskema, li saħaq hi volontarja u l-ammont hu liberu f’idejn kull ħaddiem li lest jikkontribwixxi.

Aħbarijiet Oħra

Permezz ta’ maratona ta’ Cut & Blowdry minn ħanut tax-xagħar fil-Mosta, wieħed jista’ jissettja xagħaru waqt li jikkontribwixxi għal għan filantropiku. Il-maratona se ssir mis-7.00 am sas-7.00pm nhar Sibt il-Għid…

Aktar