Edukazzjoni
Id-Dipartiment tal-Malti b’taħdita dwar l-Għanjiet tal-Milied

Nhar it-Tlieta, 11 ta’ Diċembru 2018, fis-6.00pm, Francesca Attard se tagħmel taħdita fis-sensiela dwar It-Tradizzjoni Orali bit-tema, “L-Għanjiet tal-Milied.” Din it-taħdita, organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Università, hija miftuħa għal kulħadd u se ssir fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti fil-bini tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq.

Mal-wasla tax-xahar ta’ Diċembru l-atmosfera tieħu xejra ċelebrattiva, u fost it-tlellix u t-tiżjin li jiġi armat jibdew jinstemgħu wkoll l-għanjiet tal-Milied. Sa minn żmien ilu, il-poplu Malti qies l-għanjiet bħala parti intrinsika mill-kuntest festeġġjanti tal-Milied tiegħu, u għalhekk ra kif ħoloq, ikkompona jew issellef lirika u melodiji li setgħu jitkantaw u jiġu miftakra faċilment. Għaliex minkejja li llum l-għanjiet ġew stampati, l-eżistenza tagħhom iddependiet fuq l-eżekuzzjoni orali, mirfuda minn tekniki mnemoniċi.

Permezz ta’ dawn l-għanjiet, il-widna tal-poplu Malti bdiet tidra, fost l-oħrajn, il-kwartina tal-ottonarji, l-iskemi regolari tar-rima, id-damma ta’ motifi ħfief li jirriflettu tagħlim reliġjuż, u l-frażarju elementari li, minkejja li ma kienx jitbiegħed wisq mit-taħdit komuni, kiseb sens ġdid ta’ mużikalità, bl-għan ewlieni ta’ divertiment popolaresk.

Minn din ir-riċerka tqanqlu mistoqsijiet dwar liema xejriet poetiċi sempliċi l-aktar li jaqdu lis-sentiment reliġjuż, u liema tekniki huma l-iktar siewja għall-vuċi u għall-memorja kollettiva, f’kuntrast ma’ tekniki oħra li jaqduna aħjar fejn tidħol il-kelma jew il-poeżija stampata.

Mistoqsijiet oħra li tqajmu jittrattaw l-oriġni tal-kontenut u l-mużikalità tal-għanjiet, u hawn inħolqu argumenti dwar is-sehem ta’ ħiliet oħra fil-produzzjoni tal-għanjiet, bħas-self ta’ melodiji minn kulturi differenti, il-ħila fit-traduzzjoni, u l-varjanti.

Francesca Attard għandha 21 sena u għadha kemm temmet l-istudji tagħha fil-grad ta’ Baċellerat fil-Malti bl-Unuri. Hija għalliema tal-Malti u fi snin li ġejjin, beħsiebha tkompli l-istudji tagħha fil-livell ta’ Maġisteru.

Fit-teżina tagħha tal-Baċellerat li tmexxiet mill-Prof. Bernard Micallef, Francesca Attard kitbet dwar “L-Għanjiet tal-Milied: Xejriet Figurattivi, Indirizz u Arranġament tal-Ħoss.”