Id-Dramm Marjelena mtella’ mill-Bakkanti Troupe

Dan id-dramm jippreżenta diversi faċċati tal-ħajja ta’ Marjelena; id-dwejjaq tagħha mhumiex differenti wisq mill-ferħiet tagħha u dak li ġralha fil-passat għadu jiġri warajha sal-lum. Min żiegħel biha mod u min mod ieħor. Min abbużaha mod u min mod ieħor … U issa spiċċat kif spiċċat. Imma xi ġralha eżatt Marjelena? U min hi Marjelena? U Marjelena, x’tagħmel? X’jagħmlulha?

Marjelena huwa l-ewwel dramm ta’ Leanne Ellul li qed jittella’ b’direzzjoni ta’ Josette Ciappara. Il-produzzjoni tad-dramm se tkun f’idejn l-atturi tad-dramm, il-Bakkanti Troupe, magħmul minn Alison Abela, Louise Fenech, Gilbert Formosa, Mandy Mifsud, Olivia-Ann Marmarà, David Scicluna Guisti u Aldo Zammit.

Id-dramm se jittella’ bejn il-21 u t-23 ta’ Novembru u t-28 u t-30 tal-istess xahar, fit-8pm, fi Pjazza Teatru Rjal (il-green room). Il-biljetti jistgħu jinqatgħu minn www.activemalta.com (il-prezz ta’ €15 jinkludi tazza nbid). Dan id-dramm qed jittella’ bl-appoġġ tal-Kunsill tal-Arti ta’ Malta.

L-attività fuq Facebook tinsab hawnhekk: www.facebook.com/events/507761845993228.

Tagħrif dwar l-awtriċi

Leanne Ellul (1989-) tikteb poeżiji, proża u drammi. Hi wkoll kittieba ta’ serje ġdida ta’ textbooks flimkien ma’ Clare Azzopardi. Għal dawn l-aħħar tliet snin għallmet il-Malti fi skola sekondarja u bħalissa qed tkompli bir-riċerka tagħha fil-livell ta’ MA. Fl-2013, ġiet l-ewwel post fil-Premju Francis Ebejer bi dramm li se jittella’ s-sena d-dieħla ġewwa t-Teatru Manoel, u dan l-aħħar intgħażlet flimkien ma’ erba’ awturi oħra minn Malta għal proġett Ewropew bi sħab maċ-Ċina. Għandha xogħol tradott għall-Ingliż, il-Franċiż u ċ-Ċiniż. Hija l-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi tal-Għaqda tal-Malti – Università, u kordinatriċi ta’ KUL, inizjattiva kulturali li qed taħdem fuqha flimkien ma’ Kit Azzopardi.

Tagħrif dwar id-direttriċi

 Josette Ciappara kienet mal-ewwel grupp ta’ studenti li ggradwaw mill-MTADA fl-1978. Minn hemm marret tistudja fil-Conservatoire Superieur d’Art Dramatique f’Pariġi u fir-Royal Shakespeare Company ġewwa Stratford-Upon-Avon. Fost il-partijiet li ħadmet insemmu l-partijiet prinċipali li kellha fid-drammi Phaedre, Antigone, Hedda Gabler u The Good Person of Szechwan. Idderiġiet għat-televiżjoni u anke għat-teatru, bl-aħħar xogħol tagħha jkun Il-Kennies tal-Ġenna fi Pjazza Teatru Rjal. Kienet parti mid-Drama Unit u ħadmet u dderiġiet diveri programmi tat-TIE, u qdiet l-irwol tal-Prinċipal tad-Drama Centre għal ħames snin.

Tagħrif dwar l-atturi

 Il-Bakkanti Troupe ilu mwaqqaf mis-sajf tal-2011 u hu magħmul minn seba’ membri: Alison Abela, Gilbert Formosa, Louise Fenech, Mandy Mifsud, Olivia Ann Pace Marmarà, David Scicluna Giusti, u Aldo Zammit. L-idea tal-grupp nibtet fl-2008 f’Palazzuolo, fi Sqallija, fejn xi wħud mill-membri kienu qegħdin itellgħu t-traġedja Griega The Bacchae, minn fejn ħadu isimhom. Bħala grupp baqgħu jgħożżu l-ideat ta’ xulxin u fuq kollox il-ħbiberija. Il-Bakkanti jaħdmu fuq produzjonijiet li huma bil-Malti, ħafna drabi fuq drammi oriġinali u fi spazji differenti li normalment mhumiex meqjusa bħala teatri. L-għan tagħhom huwa li jtellgħu drammi ta’ kwalità li huma aċċessibli għal kulħadd, mhux biss dawk li huma midħla sew tat-teatru. F’dawn l-aħħar snin il-Bakkanti ħadu sehem f’diversi produzzjonijiet fosthom Plautus Strait u Meta Toħlom Strada Stretta.

Aħbarijiet Oħra
Kompetizzjoni

Żewġ mudelli minn Malta se jkollhom ċans li jimmudellaw f’Ruma f’Lulju li ġej, wara li jiġu magħżula waqt avveniment f’Malta. Iċ-Chamber of Fashion Malta qed isejjaħ għal mudelli biex jiddebuttaw…

Wirja

Fl-1840, il-fotografija rat lil Malta fit-transizzjoni bejn il-ħakma tal-Kavallieri u l-ħakma Ingliża.  Din kienet fażi important ħafna fl-istorja ta’ pajjiżna.  Il-Kavallieri kienu telqu imma ħafna bini u fortifikazzjonijiet kienu għadhom…

L-Għaxaq Music Events ħabbru d-dettalji tal-Festival Mużikali Summer Lust li se jittella’ fir-raħal ta’ Ħal Għaxaq nhar il-Ġimgħa 22 u s-Sibt 23 ta’ Mejju. Din l-għaqda volontarja qiegħda torganizza dan…

It-telqa tax-xitwa diġà bħal donnu għosfrot u bħal jinħass is-sajf joqrob hekk kif ilbieraħ tħabbar li l-grupp UB40 ser ikunu l-artisti internazzjonali mistiedna tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Għaxaq Music Festival!…

Aktar