Arti
Il-Belt Valletta u d-Dumnikani: mixja waħda

Il-Belt Valletta u d-Dumnikani: mixja waħda hija wirja li tirrakkonta kif l-istorja tal-Belt Valletta u tal-komunità Dumnikana tal-Belt intisġu flimkien.

Heritage Malta flimkien mal-Parroċċa ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu u San Duminku se jtellgħu wirja ta’ pittura, inċiżjonijiet, volumi manuskritti, object d’art, vestwarju u oġġetti kurjużi mill-kollezzjonijiet nazzjonali u dawk tal-Parroċċa. Dawn se jkunu qegħdin jirrakkontaw din ir-relazzjoni speċjali bejn il-Belt Valletta u l-Ordni Dumnikana fi  ħdanha.

Din il-wirja se tiffoka fuq l-impatt li l-missjoni Dumnikana ħalliet fuq l-istorja tal-Belt, l-appoġġ spiritwali li dawn offrew lill-komunità Beltija, speċjalment fil-mumenti iebsa ta’ prova, u l-kontribut u l-istorja tal-fratellanzi Dumnikani. Din il-wirja se titratta wkoll il-wirt artistiku u l-personalitajiet marbuta mal-Parroċċa Dumnikana tal-Belt.

Il-wirja, Il-Belt Valletta u d-Dumnikani: mixja waħda, kienet inawgurata fil-Kunvent tad-Dumnikani fil-Belt Valletta mill-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, fil-preżenza tal-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, taċ-Chairman ta’ Heritage Malta Dr Anton Refalo, u l-Pirjol u l-Kappillan, Patri Michael Camilleri.

Il-Belt Valletta u l-Komunità Dumnikana jafu l-ewwel passi tagħhom fis-snin ta’ wara l-Assedju l-Kbir tal-1565, meta mingħajr dewmien il-Gran Mastru de Valette ħaseb li jibni din il-belt iffortifikata għall-ħarsien ta’ Malta minn ħbit ieħor tat-Torok. Fin-nuqqas ta’ fondi neċessarji, il-benefattur ewlieni kien il-Papa Dumnikan San Piju V, li bagħat 30,000 fjorin tal-fidda u l-inġinier tiegħu Francesco Laparelli, sabiex fit-28 ta’ Marzu 1566 tqegħdet l-ewwel ġebla tal-Belt Valletta.

Għal sentejn sħaħ id-Dumnikani mill-Kunvent tal-Birgu kienu jaqsmu għall-belt il-ġdida sabiex jassistu lill-4000 ħaddiem impenjati fil-bini tas-swar. Kien għalhekk li Patri Damiano Taliana, Pirjol tal-Kunvent tal-Lunzjata u Vigarju Provinċjali tal-kunventi Dumnikani f’Malta, talab għal post fejn jibni knisja u kunvent. Il-Gran Mastru Pietro del Monte laqa’ t-talba u fl-1571 l-komunità Dumnikana stabbiliet ruħha b’mod permanenti u bniet knisja ġdida ddedikata lil Santa Marija tal-Portu Salvu u San Duminku għad-devozzjoni tal-baħħara.

Din il-preżenza inizjali tad-Dumnikani fost il-bennejja tal-Belt, svolġiet fi storja rikka u nseparabbli li tgħodd il-500 sena. Fis-sena li fiha qegħdin niċċelebraw il-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura, din il-wirja tgħinna napprezzaw il-legat storiku, kulturali u artistiku li l-Ordni Dumnikana ħalliet fl-iżvilupp tal-Belt.

Din il-wirja fil-Kunvent tal-Ordni Dumnikana fil-Belt se tibqa’ miftuħa sas-7 t’Ottubru kuljum bejn l-10am u l-4pm. Id-dħul se jkun mingħajr ħlas.

Aħbarijiet Oħra
Arti

Arthall presents a collective exhibition focused on the expressive power of abstract, colour, and forms with artists from Malta, Hungary, and the United Kingdom. The participating artists make use of…

Arti

Vincent Borg started attending the Malta School of Art when he reached retirement age. The beauty of non-painted images such as mosaic, prints and veneered marble work fascinates him. He…

Wirja

Samson is a Maltese national of Ethiopian origin best known as an actor, magician, musician and entertainer. His latest discovery is that of painting. Samson has been living in Malta…

Arti

Bernard Jageneau se jtella’ l-ewwel wirja tiegħu ta’ arti f’Għawdex. Fil-wirja li se tittella’ bejn il-15 u s-16 ta’ Diċembru wieħed jista’ jara pitturi magħmulin biż-żebgħa taż-żejt. L-artist ilu mal-50…

Aktar