Attivitajiet Kulturali
Il-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żurrieq

Matul dawn l-aħħar snin, iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa qed ikun iċċelebrat b’mod speċjali mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. Dan isir permezz ta’ diversi attivitajiet fosthom wirjiet u kunċerti kif ukoll permezz ta’ armar.

L-attivitajiet għaż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira organizzati mis-Soċjetà Mużikali Santa Katarina V.M. A.D. 1864 se jiftħu nhar il-Ħamis 22 ta’ Marzu 2018 permezz ta’ Kunċert ta’ Mużika Sagra fejn dan se jkun organizzat flimkien mal-Arċipriet u l-Kleru tal-Parroċċa Santa Katarina V.M. ġewwa l-Knisja ta’ Santa Marija f’Bubaqra, iż-Żurrieq. Tieħu sehem il-Banda Santa Katarina V.M. taħt id-direzzjoni tas-Surmast Josef Grech A.T.C.L., L.T.C.L., DIP.A.B.R.S.M., L.R.S.M. u l-kor Cappella Musicale Caeciliana dirett minn Rev. Mro. Abraham D’Amato S.TH.L., In-narratriċi se tkun is-Sinjura Catherine Portelli filwaqt li l-preżentatriċi se tkun is-Sinjura Anna Maria Gatt.

Proprju nhar it-23 ta’ Marzu, 2018, Jum id-Duluri, s-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti se tiftaħ Walk-Through Awdjo-Viżiva Oriġinali fiċ-Ċentru Pastorali taż-Żurrieq, ħdejn l-Għassa tal-Pulizija. Matul din il-walk-through ta’ nofs siegħa, in-nies li se jżuruha se jkunu qed jiltaqgħu ma’ 6 karattri mill-Passjoni ta’ Ġesu’ Kristu fejn dawn se jirrakkuntaw il-Passjoni mill-perspettiva tagħhom.

L-attrazzjoni ewlenija ta’ din il-walk-through hija Projection Mapping unika fuq mudell kbir ta’ Ġerusalemm. Din se tkun qed turi l-mixja sħiħa ta’ Ġesu’ mill-post tal-Aħħar Ċena sal-għolja tal-Qurrieja. Flimkien mal-Walk-through, se ttellgħa Wirja Artistika fis-Sala Espedito Deguara fil-Każin tal-Banda Santa Katarina V.M., entratura minn Sqaq ilĦlewwa.

F’din il-wirja se jkunu esebiti 2 settijiet ta’ vari xogħol Salvu Bonello u Paul Aquilina t’Għawdex. Apparti minn hekk se jkun hemm diversi oġġetti sagri u antiki. Dan kollu fi sfond tal-marċi funebri u l-borma tweffaħ, sinonima mal-Ġimgħa l-Kbira.

L-impenji tal-Banda Santa Katarina V.M. jissokktaw nhar Ħadd il-Palm, il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018 fl-10.00a.m. permezz ta’ Programm ta’ Marċi Funebri f’Misraħ ir-Repubblika.

Għall-ewwel darba fiż-Żurrieq, nhar Ħamis ix-Xirka se tkun qed issir Mixgħela fil-Pjazza, b’ammont kbir ta’ fjokkoli li se jiddawwal Misraħ ir-Repubblika. Fl-isfond ta’ dan kollu, bħalma ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, is-Sezzjoni Żgħażagħ Palmisti tieħu ħsieb li tarma Misraħ ir-Repubblika permezz ta’ sett slaleb u bandalori artistiċi b’simboli relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Għal iktar informazzjoni segwi l-paġni tal-attivitajiet fuq Facebook: PASSIO – L-Esperjenza tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żurrieq u Kunċert ta’ Mużika Sagra.

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

L-aħħar serata qabel waqfa tul is-Sajf mis-sensiela mużiko-letterarja, ‘Iljieli fit-Teatru’, se tkun qegħda ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Ġunju, 2018, fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta. Tul din…

Attivitajiet Kulturali

Heritage Malta se torganizza attività dwar misteri u stejjer sopranaturali marbuta mal-Forti Sant’Anġlu.  Minbarra li huwa ġawhra fl-istorja kulturali ta’ Malta, dan il-forti għandu ħafna misteri u leġġendi marbuta mal-istorja…

Attivitajiet Kulturali

Nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju 2018 il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa ser ikun qiegħed jorganizza l-attività annwali tiegħu bl-isem ta’ ‘Ħal Luqa mal-Medda taż-Żmien’. Bħal ta’ kull sena l-Kunsill jieħu…

Attivitajiet Kulturali

Il-Kunsill Lokali San Ġiljan qed jorganizza Lejla Folkloristika nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2018 fil-Pjazza tal-Balluta u mad-dawra tal-Pjazza, mis-06:00 ta’ filgħaxija ‘l quddiem. Waqt din l-attività se jieħdu sehem,…

Aktar