Il-Grupp Teatrali tal-Kulleġġ San Injazju se jtella’  ‘Il-Warda ta’ Versailles’

Għal Jum iċ-Ċelebrazzjoni 2019, il-Grupp Teatrali tal-Kulleġġ San Injazju se jtella’ musical oriġinali bil-Malti bbażat fuq il-manga Ġappuniż ta’ Ryoko Ikeda li jġib l-istess isem, ‘Il-Warda ta’ Versailles’.

Dan il-manga kien inqaleb f’anime jiġifieri ‘cartoons’ għat-televiżjoni lejl l-aħħar tas-snin sebgħin u hawn Malta konna narawh fuq l-istazzjonijiet Taljani taħt l-isem ta’ ‘Lady Oscar’.

L-istorja se teħodna fi Franza lejn l-aħħar tas-seklu 18. Franza kienet immexxija mill-familja rjali tal-Borboni. Ir-Re Luiġi XV u n-neputi tiegħu ir-Re Luiġi XVI flimkien ma’ martu r-Reġina Maria Antoinette kienu jħobbu l-lussu u x-xalar. Dan il-lussu narawh fil-bini tal-Palazz ta’ Versailles, fl-ilbies sinjur li n-nobbli Franċiżi kienu jilbsu u fit-tberbiq tal-flus f’ballijiet u ċelebrazzjonijiet Rjali.

B’kuntrast in-nies ta’ Pariġi kienu jgħixu ħajja ta’ faqar u miżerja. Lanqas kellhom flus biżżejjed biex jixtru ikel u affarijiet essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum. Il-mexxejja tagħhom fosthom Maximilien Robespierre, Georges Danton u Camille Demoulins kellhom pjanijiet kbar għal Franza. Huma riedu li t-tielet stat, jiġifieri dak magħmul mill-poplu ma jibqax jiġi mgħaffeġ mir-rgħiba tal-ewwel u t-tieni stat jiġifieri l-monarkija, n-nobbiltà u l-knisja. Huma riedu li l-poplu jkollu sehem fit-tmexxija ta’ Franza kif ukoll riedu li jitnaqqsulhom it-taxxi kbar li kienu jħallsu sabiex dawk ta’ Versailles ikunu jistgħu jgħixu fil-lussu.

Il-protagonisti huma Oscar François de Jarjayes, it-tifla tal-Ġeneral Reynier de Jarjayes. Naraw li Jarjayes li minn dejjem kien xtaq li jkollu tifel sabiex iħarrġu fil-militar. Malli titwilidlu tifla oħra hu tant jirrabja li jiddeċiedi li bintu se tgħix bħala tifel, se jkun jismu Oscar u meta jikber kellu jagħmel parti mill-Gwardja Rjali.

Ma’ Oscar iduru wkoll karattri ewlenin oħra fosthom André, l-ikbar ħabib tagħha li jkun iħobbha mhux biss bħala ħbieb, ir-Reġina Marie Antoinette li Oscar tkun il-gwardja personali tagħha u lill-Konti Hanx Axel Von Fersen, nobbli mill-Iżveżja li jkollu simpatija kbira lejn ir-Reġina ta’ Franza u li jqis lil Oscar bħala waħda mill-akbar ħbieb tiegħu. L-istorja titgħaqqad bejn dawn l-erba’ karattri anki għaliex tidħol fin-nofs l-imħabba li tikkomplika s-sitwazzjoni.

Matul l-istorja tagħna Oscar ikollha tħabbat wiċċha ma’ bosta konflitti interni bl-akbar wieħed ikun jekk iżommx man-nobbiltà u l-isem ta’ familitha u mar-Reġina Marie Antoinette li tkun saret ħabiba tagħha jew inkella ddurx favur il-poplu Franċiż li kien wasal f’xifer l-irdum u qiegħed lejliet rivoluzzjoni kontra l-monarkija Franċiża.

Rapreżentazzjoni bħal din tirrikkjedu dedikazzjoni kbira mill-għalliema u l-istudenti mill-ewwel ġurnata li jkun ġie deċiż it-titlu tal-musical. L-iscript huwa oriġinali miktub mis-Sur Roger Tirazona bl-għajnuna tas-Sinjura Rachel St John u s-Sinjorini Josianne Block u Dorianne Bonello. Il-lirika tal-kanzunetti oriġinali huma tas-Sur Clifton Casha filwaqt li l-korjografija taz-zfin u l-movimenti kollha waqt il-musical huma tas-Sinjuri Amanda Farrugia Cauchi u Angel Shaikh. Id-direzzjoni ta’ dan il-musical hija sforz kollettiv tal-għalliema kollha involuti imexxija mis-Sur Clayton Brincat.

Barra minn hekk, grupp ħabrieki ħafna ta’ studenti taħt it-tmexxija tas-Sur Paul Buhagiar, is-Sur Christopher Grima u s-Sinjura Diahann Debono jieħdu ħsieb dak kollu li għandu x’jaqsam mal-bini u tiżjin tal-palk. Ix-xenografiji huma tas-Sur Frankie Azoppardi.

Il-musical se jittella’ għall-pubbliku fid-9 ta’ Mejju li ġej fit-8pm, fl-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, li hija parti mill-Kulleġġ Sant’ Injazju. Il-biljetti jistgħu jikisbu mis-sit www.showshappening.com/St-Ignatius-College-Secondary-School/IlWarda-ta-Versailles

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

On Friday 9th August Pjazza Teatru Rjal presents the third edition of Notte Italiana. It has become somewhat of a tradition that we usher in the month of August with…

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-miġja fir-raħal tal-Vara Titulari ta’ Santa Venera V. u M., fis-7pm, se jitlaq pellegrinaġġ devozzjonali mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja l-Qadima. Ir-rotta li ħa jieħu l-Pellegrinaġġ se tkun simili…

Il-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħad-Dingli se torganizza l-festa ta’ Santa Marija Maddalena fil-kappella ddedikata lil din il-qaddisa fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli (ħdejn ir-radar). Il-festa se tiġi ċċelebrata nhar it-Tnejn 22 ta’ Lulju, 2019.  Fis-7.30…

Aktar