Teatru
Il-Ħarsa ta’ Rużann – verżjoni pop għat-teatru tar-rumanzett ta’ Francis Ebejer

Bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv tal-Belt Valletta, qed jittella’ addattament pop tar-rumanzett ta’ Francis Ebejer “Il-Ħarsa ta’ Rużann”.

Il-kitba għall-palk u d-direzzjoni huma ta’ Jamie Cardona, żagħżugħ ta’ 18-il sena, li jitfa’ element qawwi ta’ enerġija u kreattività żagħżugħa f’din il-produzzjoni bbażata fuq rumanzett li nkiteb għexieren ta’ snin ilu.

Wieħed mir-rumanzetti l-iktar favoriti ta’ Francis Ebejer

F’dan ir-rumanzett, meqjus bħala wieħed mill-aktar favoriti, Francis Ebejer imiss diversi temi fil-Ħarsa ta’ Rużann, fosthom l-emanċipazzjoni tal-Maltin fis-soċjetà, l-iżvilupp, il-klassi soċjali, l-ugwaljanza, is-sistema fewdali, il-mara, li meta wiħed jieħu stampa mifruxa tas-soċjetà, mill-ewwel jinduna li kollha għadhom relevanti sew fl-2019.

Meta tkellimna ma’ Damien Ebejer – it-tifel ta’ Francis Ebejer, stqarr li dan ir-rumanzett kien diġà nkiteb darbtejn, sakemm finalment Ebejer ippubblika il-verżjoni li għandna llum, għaliex ried li l-verżjoni finali tkun eżatt kif immaġinaha f’moħħu qabel kitibha.

Ebejer jirnexxielu joħroġ l-elementi tal-karattru msaħħaħ li għandna llum il-ġurnata bħala ċittadini ta’ din il-ħuta żgħira f’nofs Mediterran u Ewropa mimlija kurrenti u ideoloġiji li f’mumenti jikkuntrastaw.

Sarah Camilleri, Ron u Shelby jirrakkuntaw l-istorja

Jamie Cardona juża 3 karattri li jirrappreżentaw lill-poplu Malti u jirrakkuntaw l-istorja tal-Ħarsa ta’ Rużann b’mod kontemporanju – interpretati minn Sarah Camilleri, Ron u Shelby Aquilina.

Ir-rappreżentazzjoni hi mmirata li toffri siegħa ta’ xogħol ta’ Francis Ebejer b’libsa pop . Siegħa ta’ teatru li tirrappreżenta l-emanċipazzjoni tal-Maltin fis-soċjetà, ta’ kuntrasti bejn il-kultura Maltija u dik barranija…ta’ mumenti serji u oħrajn inqas serji.

Siegħa li tagħti l-aqwa riklam possibbli tal-letteratura Maltija.

L-eżami tal-matrikola

Dan ir-rumanzett hu parti mill-materjal li l-istudenti jippreparaw għall-ezami tal-Malti tal-O level – B’hekk l-istudenti tas-sekondarja, b’mod partikolari dawk tal-Form 4 (Year 10) għandhom ċans isegwu produzzjoni li tivviżwalizza x-xogħol li jagħmlu fil-klassi. Apparti dan, il-produzzjoni toffri konċessjoni mal-bieb għall-istudenti li jattendu.

Biljetti jinbiegħu online fuq www.kreattivita.org. Ir-rappreżentazzjonijiet jittellgħu l-Ġimgħa 17 ta’ Mejju fit-8pm, is-Sibt 18 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm, u l-Ħadd 19 ta’ Mejju fis-6pm u fit-8pm.

Aħbarijiet Oħra
Teatru

Jgħidu li fil-kunvent tar-raħal mietet mara; soru li nqatlet hemm ġew u baqgħet tidher. Il-Madre ma temminx u l-Kappillan jistaqsi. U n-nies tar-raħal jibżgħu minnha, u tawha laqam ta’ qaddisa-qattiela:…

Teatru

Wara ħafna riċerki, l-għaqda ndunat li fil-kostituzzjoni ta’ Malta hemm paġna nieqsa, li tgħid: “Jekk ikun hawn ħafna problemi ġewwa l-pajjiż, Malta taqa’ taħt il-Prinċipessa minflok il-President.” Minħabba l-problemi li…

Teatru

Wara s-suċċess li nkiseb sentejn ilu permezz tal-kummiedja ‘It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla’, Mixta Drama se ttella t-tieni kummiedja ‘Il-Honeymoon ta’ Karmena Abdilla’. Il-karattru ta’ Karmena huwa wieħed maħbub minn bosta…

Teatru

Għat-tieni sena konsekuttiva se jittella’ d-dramm mużikali AĦNA LI KONNA MIEGĦU: FUQ IL-GOLGOTA. Dan huwa dramm tal-passjoni mtella’ miż-żgħażagħ Franġiskani – GiFra.  Fuq kitba ta’ Patri Joseph Magro, din is-sena…

Aktar