Mużika
“Il-kbir għadu ġej” – musical ibbażat fuq is-suċċessi ta’ Freddie Portelli

Il-produtturi ta’ Balzunetta Productions qed iħabbru il-artisti prinċipali u l-bqija tal-kast għal musical ikoniku Il-Kbir Għadu Ġej, li ser iseħħ l-ewwel darba ġewwa Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta fid-9 ta’ Awwissu 2019. Dan il-musical oriġinali bil-Malti huwa miktub mill-kittieb u kummidjant Malcolm Galea, b’direzzjoni tad-direttur stabilit Sean Buhagiar, li x-xogħol tiegħu rajnih f’bosta teatri madwar Malta u Għawdex, u bil-live band immexxija minn Maestro Dominic Galea.

Ir-rwol prinċipali ta’ Alfred il-Kredu se jkun qiegħed jagħmlu il-kantant Kevin Borg. Huwa kiseb fama internazzjonali meta rebaħ il-ħames edizzjoni tal-kuntest Swedish Idol, fejn kien l-ewwel kantant fl-istorja ta’ dan ix-xow li ma kienx mill-iSvezzja. Miegħu fuq il-palk se jkun hemm il-kantanta bravissima u sabiħa, Marilena, li niftakruha sa minn eta’ żgħira fuq il-palk Malti tkanta u tirreċta. Marilena kienet filfatt waħda mill-ewwel kantanti Maltin li rebħu il-Malta Junior Eurovision Song Contest, fl-eta’ ta’ tlettax-il sena biss. Hija se tkun qed tagħmel il-parti ta’ Georgette, u se tkun qed tkanta ftit mill-aktar diski imqarbin ta’ Freddie Portelli. Il-kantanta maħbuba Amber se tirritorna fuq il-palk ta’ musical theatre wara s-suċċess kbir li kisbet bħala Serafina fil-musical Il-Ħanina Maddalena, li sar f’Lulju tas-sena l-oħra. Din id-darba hija se tkun it-tfajla kwieta u grazzjuża Lourdes. Fuq il-palk se jkollna wkoll l-ilħna mill-isbaħ ta’ Leontine u Mark Tonna, li se jkunu qed jagħmlu l-partijiet taz-zija mqarba Zija Pawlina u ta’ Alfred il-Kredu il-Kbir.

Bħala Toni Tagħna, għandna l-isbaħ Toni fuq il-gżira, dan għaliex il-parti se tkun interpretata mill-attur Davide Tucci, li għadu qed igawdi s-suċċess li kiseb fuq l-iscreen taċ-ċinema fil-film Limestone Cowboy. Lil Tucci diġa rajnieh fil-musicals Spring Awakening u Balzunetta Towers, iżda ir-rwol ta’ Toni Tagħna huwa l-ikbar wieħed li qatt kellu s’issa fi musical. Miegħu se jkun hemm il-personalita’ magħrufa sew fuq it-televiżjoni Maltija, Luke “id-Dalli” Dalli, li se jirritorna lura lejn l-ewwel imħabba tiegħu; it-teatru. Wara ħafna pantomimi u karattri umoristiċi fil-produzzjoni Bla Kondixin, huwa se jkun qed jagħmel ir-rwol tal-Bum. Flok id-Di u d-Do, fil-musical se jkun hemm Il-Bum u l-Bummer, u fl-interpretazzjoni tal-Bummer se naraw lill-istilla tal-musical Porn – The Musical, Max Dingli, li kien ukoll il-mużiċista prinċipali tal-band tas-snin 00, Shiloo’s Tree.

F’dan il-musical se jkollna wkoll X-Factor! Filfatt, ir-rwol ta’ Sylvia, omm dejjem fuq xogħolha, se naraw lil Petra, li reġgħat kisbet popolarita’ ma’ Malta kollha wara li ħadet sehem fl-ewwel edizzjoni ta’ X-Factor ftit tax-xhur ilu. Petra kisbet popolarita’ mhux biss mal-udjenza iżda anke mal-ġurija u kritiċi. Apparti X-Factor, se jkollna wkoll Miss Malta u rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu. Din hija ħadd aktar għajr il-kantanta u attriċi bravissima Michela Galea, li se tkun qed tagħmel il-parti ta’ Yvette. Fil-parti ta’ Claudette, se naraw lill-attriċi, preżentattriċi tar-radju u influencer tas-social media, Taryn Mamo Cefai, li rajniha ftit żmien ilu fil-produzzjoni lokali ta’ Rock of Ages.

U hekk kif Colin “il-Fitz” Fitz lesta mill-preżentazzjoni tiegħu ġewwa il-Malta’s Fashion Week, huwa se jingħaqad mal-kast tal-Kbir Għadu Ġej bħala Kurun, il-propjetarju tal-bar fejn Kredu u sħabu kienu jiltaqgħu fl-1969. Huwa magħruf fost il-kast li L-Fitz huwa probabbilment l-aktar membru tal-kast eċitat dwar dan il-musical. L-eċitament ma jonqosx ukoll li jasal mingħand il-preżentatur tar-radju u DJ popolari Frank Zammit, li rajnih ftit taż-żmien ilu fuq il-palk tar-reċta popolari Raymond ‘Fight’ Beck. Huwa se jkun qed jinterpreta l-karattru ta’ Gwido l-Liberty, l-inqas karattru maħbub fil-musical. L-attriċi favorita tat-tfal, Amber Mansueto, se tirritorna lura fuq il-palk wara li rajniha fil-prestazzjoni popolari ta’ Teatru Malta, Il-Madonna Tiegħi Aħjar Minn Tiegħek, u fuq id-debutt tagħha fiċ-ċinema Maltija fil-film L-Għoġol tad-Deheb.

L-attur veteran tat-teatru u televiżjoni Manwel Cassar se jkun parti minn dan il-kast spettakolari, flimkien ma’ atturi oħra stabbiliti bħal Toni “tal-Van” Busuttil, id-duo popolari Dominic u Ina, Jamie Cardona, Christine Francalanza, Jeremy Grech, Alison Abela u ħafna aktar uċuh familjari. Flimkien se jkunu qed jagħtu vuċi għal mużika tant maħbuba ta’ Freddie Portelli. Il-kast jinkludi wkoll ftit mill-aqwa żeffiena li għandna Malta bħalissa, bil-koreografija mmexxija miż-żeffiena u koreografu bravissimu Warren Bonello. Il-veteran tat-teatru u d-dinja tal-arti Adrian Mamo, se jkun qed jiddisinja x-xenarju, filwaqt li d-disinjattriċi kkulurita Maria Muscat se tkun qed tieħu ħsieb il-kostumi.

“B’dan il-kast sensazzjonli li jinkludi grupp ta’ atturi u kantant li se jagħmlu l-isbaħ spettaklu ta’ rock’n’roll Malti li qatt rajna, u bi grupp ta’ żeffiena b’talent straordinarju, ninsab ċert li l-udjenza se tkun qed tiżfen magħna wkoll kull filgħaxija,” qal Sean Buhagiar. “Il-kanzunetti mill-isbaħ ta’ Freddie Portelli huma maħbuba minn kulħadd, tfal u kbar, żgħażagħ u anzjani, u naf fi żgur li se jkollna festa mill-aqwa ġewwa l-MCC ma kull spettaklu. U għal Freddie, li se jkun qiegħed jara l-ispettaklu mal-udjenza, dan huwa mistenni li se jkun wieħed mill-aktar mumenti emozzjonali għalih fil-karriera tiegħu.”

Il-musical Il-Kbir Għadu Ġej se jkun qiegħed jagħti ġieħ mhux biss lir-re tar-rock’n’roll Malti, iżda wkoll lid-diskografija tiegħu. Il-Kbir Għadu Ġej huwa ppakkjat b’mużika mill-isbaħ, bi ftit mill-akbar hits ta’ Malta Bums u ta’ Freddie, fosthom Viva Malta, Ħallini, Għal Dejjem, Xewqat Sbieħ, u l-aħħar single ta’ Freddie Portelli li ġġib l-isem tal-musical stess. Din il-produzzjoni ġdida u oriġinali se ssir l-ewwel darba f’Awwissu, u żgur mhux forsi se tkun ċelebrazzjoni indimentikabbli ta’ wieħed mill-aktar kantanti u personalitajiet Maltin maħbub ġewwa Malta. Għal aktar informazzjoni tistgħu żżuru is-sit www.freddieportelli.com.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta u l-Kumitat Festi Nazzjonali, se jtellgħu l-kunċert tal-Indipendenza, b’xogħolijiet rinomati minn kompożituri Maltin u internazzjonali fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt. Il-protagonisti tal-kunċert…

Mużika

Nhar it-Tlieta, 10 ta’ Settembru, is-St Paul Chamber Ensemble se tkun qed tagħti bidu għalll-istaġun mużikali b’kunċert organizzat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija b’kollaborazzjoni mal-Medina Foundation for Music. Għal darb’oħra…

Mużika

Il-Big Friends Guggen Musik Band bejn is-26 ta’ Awwissu u l-1 ta’ Settembru ser tkun Leni fi Sqallija, fejn ser tesegwixxi mużika Maltija u għal darb’ oħra tkun ta’ ambaxxatriċi…

Mużika

L-Għaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina A.D.1947 tal-Mellieħa se tkun qiegħda żżomm l-appuntament tagħha billi ttella’ l-kunċert annwali fl-okkażjoni tal-festa ta’ Marija Bambina nhar il-Ħadd 1 ta’ Settembru fit-20.15 fil-pjazza…

Aktar