Maratona
Il-maratona Oħloq Tbissima se ssir b’differenza bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju

Għat-18-il sena  konsekuttiva, CPi Media se tkun qed torganizza il-maratona OĦLOQ TBISSIMA, maratona ta’ 21 siegħa b’risq il-missjonijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

Din is-sena, OĦLOQ TBISSIMA se tieħu xejra differenti mis-soltu, hekk kif il-maratona Se tkun qed tadegwa ruħha mal-linji gwida maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa dwar il-COVID 19.

Il-maratona se tkun qed tixxandar mill-istudio tac-CPi Media, id-dar ta’ produzzjoni ta’ programmi awdjoviżivi li tipproduċi erba’ programmi soċjo-reliġjużi kull ġimgħa fuq it-tlett stazzjonijiet ewlenin tat-televiżjoni f’Malta. L-istuwdjows jinsabu fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera.

Id-Direttur ta’ CPi Media, Fr Louis Mallia MSSP spjega li frott il-COVID 19, il-maratona ta’ din is-sena se jkollha sinifikat iktar qawwi frott il-pandemija li ħakmet lid-dinja kollha.

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fejn għandha il-missjonijiet tagħha is-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl intlaqtu ħażin ħafna minn din il-pandemija, qal b’referenza għall-mod kif il-virus qerriedi ħakem lill-pajjiżi tal-Peru, Pakistan u l-Filippini.

“Dawn il-Patrijiet Maltin u Għawdxin, dejjem kienu jgħinu lill-familji fqar billi jagħtuhom ikla kulljum. Issa, hekk kif il-COVID, minbarra l-mixja ta’ mwiet li qed iħalli warajh, ħarbat l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi, eluf ta’ nies sfaw bla xogħol, li wassal biex żdied sostanzjalment l-għadd ta’ dawk li ma għandhomx mqar biex jixtru ikla kuljum għalihom u għall-familji tagħhom,” qal Fr Louis Mallia.

Il-maratona se tkun qed tixxandar bejn il-5.00pm u nofs il-lejl nhar il-Ġimgħa 17, is-Sibt 18 u l-Ħadd 19 ta’ Lulju.

Dettalji dwar kif wieħed ikun jista’ jagħmel id-donazzjoni tiegħu jitħabbru iktar il-quddiem.

Aħbarijiet Oħra
Maratona

Permezz ta’ maratona ta’ Cut & Blowdry minn ħanut tax-xagħar fil-Mosta, wieħed jista’ jissettja xagħaru waqt li jikkontribwixxi għal għan filantropiku. Il-maratona se ssir mis-7.00 am sas-7.00pm nhar Sibt il-Għid…

Aktar