Reliġjon
Il-vara ta’ San Ġużepp ta’ Birkirkara daqt lura fil-parroċċa wara r-restawr

Mad-dħul tal-purċissjoni tal-festa tas-sena li għaddiet, il-Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara kien ħabbar li l-vara titulari kienet ser tittieħed għar-restawr fix-xhur ta’ wara. Il-Parroċċa ddiskutiet ma’ diversi professjonisti f’dan il-qasam biex finalment intagħżlet id-ditta Prevarti biex tieħu ħsieb dan il-proċess ta’ restawr u konservazzjoni fuq din il-vara unika.

Dan il-proċess issa tlesta u għaldaqstant, il-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem ser tinġieb lura fil-Parroċċa tagħha, fil-ħin biex titgawda kif jixraq għall-festa ta’ din is-sena. Il-vara ser tintrama u tkun esposta fis-Santwarju ta’ Santa Tereża matul il-ġurnata tas-Sibt 21 t’April. L-għada l-Ħadd imbagħad, wara quddiesa fit-8:30am fl-istess Santwarju, iċċelebrata mirRev. Dun Josef Mifsud, Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, toħroġ purċissjoni, akkumpanjata mill-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun.

Waqt din il-purċissjoni, il-vara ta’ San Ġużepp Ħaddiem ser tkun qed tgħaddi għall-ewwel darba minn diversi toroq tal-Parroċċa li qatt
m’għaddiet proċessjonalment minnhom. Din il-purċissjoni ser tkun tinkludi wkoll is-sehem ta’ diversi settijiet ta’ reffiegħa. Il-vara tidħol lura fil-Knisja Parrokkjali tagħha għall-ħabta tal-11:00am, fejn tkun ikkonċelebrata quddiesa solenni tal-okkażjoni, immexxija mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex.

Nhar l-Erbgħa 25 t’April imbagħad, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ din is-sena, li tiġi ċċelebrata bħas-soltu nhar l-1 ta’ Mejju ser issir quddiesa fis-6:30pm immexxijja minn Mons. Joe Galea Curmi, Vigarju Ġenerali. Immedjatament wara ssir preżentazzjoni mis-Sur Pierre Bugeja mid-ditta Prevarti, fejn matulha huwa ser jispjega u jagħti d-dettalji kollha relatati max-xogħol li sar fuq il-vara. Kulħadd huwa mistieden jattendi.

Il-vara titulari ta’ San Ġużepp Ħaddiem inħadmet fis-sena 1972, mid-ditta Vincenzo Moroder f’Ostisei, Bolzano. Saret fuq disinn tal-Kavallier Emvin Cremona. L-istess Cremona ddisinja wkoll il-pedestall li jinkludi erba’ anġli jżommu simboli relatati mal-qaddis. Dawn inħadmu mid-ditta Raimondo Santifaller, ġewwa Bolzano stess, u żżanżnu fis-sena 1983, meta l-Parroċċa kienet qed tfakkar l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Tal-Pietà, il-Kummissjoni Festa qiegħda torganizza wirja Marjana fis-sala Yvonne taħt iz-zuntier tal-knisja parrokkjali. F’din il-wirja sejrin ikunu esebiti xi statwi tal-Madonna ta’…

Reliġjon

Il-Fondazzjoni Gwanni Pawlu II b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Partijiet Franġiskani ser tikkommemora l-Isqof Sylvester Carmel Magro li miet f’Jannar ta ‘din is-sena. Mgr Magro kien mir- Rabat Malta iżda l-familja tiegħu oriġinarjament…

Reliġjon

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar l-Erbgħa 15 ta’ Awwissu 2018 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli. L-inizjattiva qed tittieħed minn żewġ parroċċi…

Reliġjon

Il-Parroċċa Santa Marija ta’ Ħad-Dingli se torganizza l-festa ta’ Santa Marija Maddalena fil-kappella ddedikata lil din il-qaddisa fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli (ħdejn ir-radar). Il-festa se tiġi ċċelebrata nhar il-Ġimgħa 20…

Aktar