Informazzjoni
Imħabbra l-lista ta’ korsijiet tal-Malta Society of Arts

Il-Malta Society of Arts se tkun qed toffri aktar minn tletin kors fl-Arti Viżiva, Applikata u tal-Ispettaklu li se jibdew fl-aħħar ta’ Jannar 2018

L-applikazzjonijiet għall-korsijiet tal-Malta Society of Arts (MSA) issa huma miftuħin għat-tieni semestru li se jibda fl-aħħar ta’ Jannar 2018. L-MSA kienet l-ewwel organizzazzjoni tal-arti li bdiet toffri edukazzjoni fl-arti, u sal-lum il-ġurnata għadha taqdi r-rwol tagħha ta’ promotur tal-arti u tal-valur edukattiv li din iġġib magħha.

Il-lista ta’ korsijiet hija maqsuma fi tlieta: Arti Viżiva, Arti Applikata u Arti tal-Ispettaklu. Fit-taqsima tal-Arti Viżiva, dawk kollha li huma interessati għandhom japplikaw għal korsijiet bħalma huma l-Preparazzjoni għall-Arti fil-Livell Ordinarju, Fotografija Bażika u Editjar tar-Ritratti, Immudellar tat-Tafal, Arti għat-Tfal (6-10 snin), Figura Umana fin-Nud, Arti għall-Gost għal Studenti Maturi, Arti għall-Gost għall-Adulti u għall-Workshops tal-Arti, li huma laqgħat informali għall-artisti.

Fit-taqsima tal-Arti Applikata, hemm lista twila ta’ dsatax-il kors differenti li jinkludu l-Indurar, il-Ganċ, il-Ħidma tas-Suf, il-Bizzilla, il-Ħjata, il-Cross Stitch, ir-Rakkmu, ir-Rakkmu fid-Deheb, Cut Work, Hansa, Hardanger, id-Dekorazzjoni tal-Kejkijiet, il-Cottage Crafts, it-Tiżjin tad-Dar, Ganutell, il-Monasteri, il-Parċmina u l-Patchwork. Dawn il-korsijiet qed jiżguraw li ċerti forom ta’ arti u snajja’ tradizzjonali Maltin ma jintilfux maż-żmien, iżda jkompli jiġu mgħallma lil ġenerazzjonijiet ġodda.

It-tielet taqsima hija dik iddedikata lill-Arti tal-Ispettaklu b’enfasi fuq l-edukazzjoni mużikali, permezz ta’ lezzjonijiet fil-Pjanu, il-Gitarra (elettronika/akustika/klassika), l-Istudju tal-Vuċi (pop u klassiku) u l-Vjolin.

L-istudenti li diġà jattendu korsijiet li għaddejjin bħalissa jistgħu jġeddu l-applikazzjoni tagħhom filwaqt li dawk ġodda li jixtiequ jibdew jattendu huma mħeġġa japplikaw malajr ħalli jżommu posthom. Il-korsijiet jibdew lejn l-aħħar ta’ Jannar 2018 u jkomplu sax-xahar ta’ Mejju, bit-total tal-lezzjonijiet jilħaq medja ta’ tnax.

Għal aktar tagħrif żuru artsmalta.org/courses jew ibagħtu email fuq [email protected].

Aħbarijiet Oħra
Informazzjoni

L-arblu navali fil-Forti Sant’Anġlu tniżżel minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta (SMOM). L-operazzjoni biex instab l-aħjar metodu kif kellu jitniżżel dan l-arblu ilha għaddejja x-xhur u…

Informazzjoni

Il-Grupp Filateliku taż-Żejtun se jkun qed jibda sensiela ta’ bolol dwar il-wirt reliġjuż fit-toroq taż-Żejtun, bl-isem Niċeċ iż-Żejtun. L-ewwel sett ta’ ħames bolol personalizzati (fuq sheet waħda) u ħames postcards,…

Informazzjoni

Wara kważi 50 sena minn meta ħareġ għall-ewwel darba r-rumanz  magħruf ta’ Nicholas Monsarrat fl-1973, ‘The Kappillan of Malta’, issa se jiġi ppubblikat għall-ewwel darba bil-Malti. It-traduzzjoni saret minn Wistin…

Informazzjoni

L-GĦAQDA FILANTROPIKA TALENT MOSTI bi pjaċir tistiednek iżżur l-20 edizzjoni Tal- Wirja Tradizzjonali tal-Milied Fiċ-Ċentru ta’ Kultura Nazzjonali fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fi Triq Wied il-Għasel, il-Mosta Bejn it-13 ta’ Diċembru 2017 u…

Aktar