X

Imxi minn reċta għall-oħra f’Bormla

Nhar il-Ġimgħa 31 t’Awwissu u s-Sibt 1 ta’ Settembru, sitt produzzjonijiet qosra ser ikunu qed jitellgħu ġewwa Bormla fl-ewwel edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Dawn is-sitt plays, ta’ 20 minuta l-waħda ser ikunu mifruxa fiċ-ċentru ta’ Bormla u wieħed ikun jista’ jimxi minn play għall- oħra faċilment. Dawn il-plays huma miftuħa għal kulħadd u l-attendenza hija b’xejn. Il-ftuħ ta’ dan il-festival huwa fit-8:00pm bl-aħħar rappreżentazzjonijiet jibdew f’10:30pm. Il-plays ser ikunu mqassmin b’tali mod li f’serata l-udjenza tkun tista’ tara dawn is-sitt produzzjonijiet. Ħdejn kull post magħżul, wieħed ikun jista’ faċilment jixtri x’jixrob. Dan il-festival qiegħed jittella’ mill-Kunsill Lokali Bormla bħala parti minn skema ta’ attivitajiet kulturali ffinanzjata mill-Malta Tourism Authority u s-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali.

L-Abbandunati, Ash Sheikh Maet – Checkmate u Għażiż Trumpant huma 3 produzzjonijiet qosra li 4Teenth Productions ser tkun qiegħed toffri lill-udjenza dakinhar tal-festival.

L-Abbandunati b’kitba u direzzjoni ta’ Dominic Said titratta’ erba’ karattri, kollha abbandunati b’xi mod, imma ħadd minnhom mhu vittma. L-istejjer, minsuġa minn esperjenzi veri, jirrakontaw kif dawn il-persuni li ġew abbandunati b’mod forsi l-aktar kiefer u f’mument l-aktar kruċjali ta’ ħajjithom; dak meta kienu l-aktar dgħajfa u kellhom bżonn l-għajnuna. Iżda li ħajtek tispiċċa vittma hi għażla.

Ash Sheikh Maet – Checkmate, b’kitba u direzzjoni ta’ Giovann Attard isseħħ fid-dar tal-familja Carabott  magħmula mill-missier Norman, l-omm Sabrina li hi wkoll tqila bit-tieni wild, u binhom ta’ tnax–il sena, Lee. Il-familja Carbott mhix familja fqira, u Norman minħabba li hu negozjant u jqatta’ ħafna ħin ‘il bogħod mill-familja, iħallas persuna, Dean, biex iżomm kumpanija lil martu Sabrina biex ikollha min jgħinha fix-xogħol tad-dar. Dean huwa gay u allura Norman moħħu mistrieħ minnu u jafdah b’għajnejh magħluqa. Imma dan l-aħħar Norman ma kienx qed iħossu sew. It-tabib sablu ftit pressjoni b’kaġun ta’ stress u jirrakomondah biex imur jara’ psikologu biex jgħinu joħroġ minn dan l-istress u jieħu saħħtu lura.

Għażiż Trumpant b’kitba ta’ Stefan Magri taħt id-direzzjoni ta’ David George Camilleri, toħodna ġewwa Menefregistan, pajjiż taħt il-ħakma ta’ dittatur pompuż aktar minn Trump u qalil aktar minn Putin. Dittatur li, flok imexxi, aktar jgħaffeġ, u mn’Alla jkun iċ-Chief of Staff tiegħu, li kull darba jaqilgħu mill-kawlati li jkun kewwes hu stess.Iżda did-darba, il-froġa jkun ħoloqha ċ-Chief of Staff, u qas Alla ma jaf kif ħa joħroġ minnha, jipprova kemm jipprova jfarfarha taħt it-tapit, ħalli la l-pubbliku, u qas ta’ fuqu, ma jindunaw biha.

Barra l-parteċipazzjoni tal-4Teenth Productions fil-Cospicua Short Play Festival, bħalissa għaddejja ukoll bil-ħidma tagħha sabiex nhar 26,27 u 28 t’Ottubru u 3 u 4 ta’ Novembru itella’ l-produzzjoni teatrali li jmiss ‘’Kunċett u Marinton’ ġewwa l-Malta Drama Centre. Għal aktar informazzjoni fuq l-attivitajiet offruti mill-4Teenth Productions wieħed jista’ ċċempel fuq 79096060 jew inkella isibuna fuq facebook ‘4Teenth Productions.’