Attivitajiet Kulturali
Imxi pass pass mal-passjoni ta’ Ġesù fil-Buskett

Għas-sitt sena konsekkuttiva, uħud mill-aqwa atturi ta’ Malta se jingħaqdu f’kast tal-ogħla livell b’għan filantropiku. Vermiglio Theatre Productions hija wara din ir-rapreżentazzjoni li se tittella’ fil-ġonna ta’ madwar il-Palazz tal-Verdala fil-Buskett kif ukoll fil-ġonna ta’ madwar l-Isptar Monte Carmeli u li se tkun esperjenza unika u interattiva għal dawk kollha li jagħżlu li jattendu. Il-ġonna se jiġu mibdula fit-toroq ta’ Ġerusalemm f’dak il-lejl storiku u l-udjenza nnifisha ser isir parti importanti minn dak kollu li jkun qed iseħħ.

L-udjenza se timxi pass pass mal-passjoni ta’ Kristu mill-aħħar ċena sal-Golgota filwaqt li nħawi differenti fil-ġonna se jservu bħala l-isfond għad-diversi xeni li jwasslu din il-ġrajja lill-udjenza bl-iktar mod realistiku u personali. Din l-esperjenza drammatizzata tippreżenta l-passjoni ta’ Ġesù Kristu b’mod li l-udjenza tkun tista’ tħoss u tesperjenza dak kollu li ġara dakinhar f’Ġerusalemm.

Il-kast jinkludi wħud mill-aqwa atturi ta’ Malta li huma magħrufa sew ma’ dawk kollha li għandhom għall-qalbhom id-drama fit-teatri u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin. Fil-partijiet ewlenin insibu lil Alan Fenech fil-parti ta’ Ġesú, Joe Pace bħala n-Narratur, Michael Sciortino bħala Pietru, Michelle Zerafa fil-parti ta’ Marija ta’ Magdala, Moira Muscat fil-parti tal-Madonna, Manuel Cassar fil-parti ta’ Ġużeppi minn Arimateja, Anthony Ellul u Charles Sammut fil-parti ta’ Ponzju Pilatu, Renato Dimech fil-parti ta’ Ġakbu, Ron Briffa u Julian Galea fil-parti ta’ Ġwanni, James Pace fil-parti ta’ Ġuda, Karl Schembrui bħala Itamar, Marco Grech fil-parti ta’ Natanjel, Ivan Debattista u Joseph Fenech fil-parti ta’ Erodi, Neville Refalo u Henry Zammit Cordina fil-parti ta’ Nikodemu, Simone Debattista u Marisa Aquilina fil-parti ta’ Leah, Tony Fenech fil-parti ta’ Kajfa, Silvio Axisa fil-parti ta’ Annas, Matthew Balzan u Alan Attard fil-parti ta’ Barabba fost l-oħrjan. Il-produzzjoni hija f’idejn Vermiglio Theatre Productions bil-kollaborazzjoni tal-Isptar Monte Carmeli filwaqt li Rayfonz Borg u Matthew Grima, se jieħdu ħsieb il-parti loġistika tal-produzzjoni. Marco Bartolo huwa l-istage manager tal-produzzjoni, il-kostumi huma f’idejn Dorothy Ebejer filwaqt li l-irtokk huwa f’idejn Redeemer Casha. “Kast t’atturi ta’ din il-kwalita’ huwa garanzija ta’ produzzjoni tal-ogħla livell. L-udjenza se jkollha l-okkażjoni li tara lill-artisti favoriti tagħhom filwaqt li jkunu qegħdin jaħdmu fil-viċin u dan jkompli jżid mal-atmosfera ġa unika grazzi anki għall-kostumi u l-post innifsu” sostniet Michelle Zerafa waħda mill-produtturi kif ukoll korjografa tal-Mixja.

Din id-darba n-nies se jkunu jistghu jagħżlu f’liema post jassistu għal din il-produzzjoni li issa tant saret popolari u li daħlet sew fil-kalendarju tal-poplu Malti. “Il-Mixja” ser ssir nhar is-Sibt 24 ta’ Marzu fis-7:30pm u l-Ħadd 25 ta’ Marzu fir-3pm fil-ġonna tal-Isptar Monte Carmeli, kif ukoll nhar l-Erbgħa 28 ta’ Marzu fis-7:30pm u nhar il-Ħamis 29 ta’ Marzu fis-7:30pm fil-ġonna tal-Palazz ta’ Verdala fil-Buskett.

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

‘Il-Villaġġ Malti’ –  ir-raba’ simpożju organizzat minn Wirt iż-Żejtun se jkun qiegħed iqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni tal-valuri kulturali u jfiehem aħjar il-formazzjoni u l-karatteristiċi tal-ibliet u tal-irħula Maltin. Numru ta’…

Attivitajiet Kulturali

Heritage Malta qed toffri opportunità mhux tas-soltu lill-pubbliku li jesplora l-fortifikazzjonijiet li jdawwru l-Port il-Kbir u l-madwar minn fuq il-baħar. Din l-attività, li se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Lulju,…

Attivitajiet Kulturali

Malta Calls, party uniku organizzat minn Valletta 2018 u ŻfinMalta, se jsir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju mit-8pm ‘il quddiem fil-Grounds tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara (ex Sir Adrian…

Attivitajiet Kulturali

L-aħħar serata qabel waqfa tul is-Sajf mis-sensiela mużiko-letterarja, ‘Iljieli fit-Teatru’, se tkun qegħda ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Ġunju, 2018, fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta. Tul din…

Aktar