Attivita'
Inawgurazzjoni tal-faċċata tal-Knisja ta’ Bengħisa

Bengħisa se jinawgura l-faċċata tal-Knisja wara li tlesta r-restawr. Biex jiċċelebra dan l-avveniment se ssir serata kulturali wkoll.

Kull raħal għandu l-knisja tiegħu u għad li Ħal Far kellu knisja ddedikata lil San Anġlu mibnija fl-1702 u li ma kinetx wisq ‘il bogħod minn Bengħisa, però f’Bengħisa wkoll inħasset il-ħtieġa li jkollha knisja għaliha.

L-ewwel data marbuta ma’ din il-knisja hi dik tat-8 ta’ Marzu 1823 meta Dun Giacomo Gauci miż-Żurrieq talab lill-Isqof Ferdinando Mattei sabiex minn flusu jibni knisja fuq biċċa art li kellu f’Bengħisa, bil-għan li tkun tista’ taqdi l-bżonnijiet spiritwali tan-nies tal-inħawi.

F’dan ir-rikors, il-fundatur talab sabiex ikun jista’ jiċċelebra l-quddies fiha fil-Ħdud u l-festi, flimkien ma’ fondazzjoni ta’ quddiesa u l-kant tal-ewwel Għasar kull nhar it-8 ta’ Diċembru, fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Din it-talba ġiet milqugħa b’digriet maħruġ nhar il-25 ta’ April tal-istess sena, filwaqt li fit-22 ta’ Ottubru din il-knisja ngħatat it-titlu ta’ ġuspatronat tal-familja Gauci, wara talba mill-istess fundatur nhar l-10 ta’ Settembru. Però, fl-1861 din il-knisja reġgħet inbniet kważi mill-ġdid minn Dun Ġużepp Gauci, li kien jiġi n-neputi tal-fundatur. Mhux magħruf jekk dan l-intervent seħħx minħabba d-daqs ċkejken tagħha jew inkella minħabba ħsarat strutturali wara li kienet waqgħet fi stat ta’ abbandun.

Il-Knisja l-ġdida ġiet imbierka nhar il-15 ta’ Jannar 1862 mill-Isqof Gaetano Pace Forno. L-inkwatru titular hu mpitter minn artist mhux magħruf u dan  irrappreżenta l-Immakulata Kunċizzjoni u t-tila tiegħu hi miżjuda bil-possibilità li kien ġie mkabbar wara li tkabbret il-knisja.

Barra minn hekk, dan l-inkwatru jinkludi anġlu bil-ġilju f’idu. Fis-sagristija, ġo niċċa tal-ġebel hemm statwa tal-kartapesta li tirrappreżenta l-Immakulata Kunċizzjoni, li nħadmet lejn l-aħħar tas-seklu dsatax.

Ta’ kull sena, bħal dawn l-aħħar 157 sena, nhar it-8 ta’ Diċembru tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Immakulata. Qabel kienet tkun iċċelebrata b’ħoss ikbar imma issa kwietat ftit u din il-festa tiffoka altar fun ċelebrazzjoni liturġika. Filgħodu jkun hemm quddiesa fis-sebgħa mmexxija mir-rettur Dun Ġużepp Berry u flgħaxija fil-5:30 jkun hemm rużarju u fis-6:00pm Quddiesa kantata. Wara barka sagramentali.

Xi ħaġa differenti għal din is-sena hi li nhar il-Ħadd 2 ta’ Diċembru se sir Ċelebrazzjoni f’dan ir-raħal biex tiġi inawgurata l-Faċċata ta’ Bengħisa li din is-sena sarilha xogħol ta’ restawr u reġgħet ingħatat id-dehra oriġinali tagħha. Fis-6pm se jsir rużarju u fis-6:30pm tibda quddiesa. Wara se ssir Serata Kulturali permezz ta’ projezzjoni fuq il-faċċata li turi l-istorja ta’ Bengħisa, bl-isem ‘Il-Polz ta’ Bengħisa’, qari storiku li nstab ta’ Pietru Pawl Saydon u finalment tiġi inawgurata l-faċċata. Ikun hemm ikel u divertiment ukoll.

Ritratt: Carmelo Zammit Pulo

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti qed ittella’ esebizzjoni tal-mużajk Of Land and Sea minn Raymond Aquilina u Flavia Marmara. Raymond Aquilina u Flavia Marmarà huma żewġ kollegi u artisti appasjonati fl-arti tal-mużajk….

Attivita'

Għada, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal laqgħa kommemorattiva f’isem l-iskultur Frans Galea, fil-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA. F’dan l-avveniment se jattendu familjari u ħbieb ta’ Galea biex jaqsmu…

Attivita'

Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Mejju, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-NGO Friends of Villa Frere qed jistiednu lill-pubbliku biex iżur il-ġonna kurjużi ta’ Villa Frere f’Tal-Pietà. Għalkemm fl-aqwa żmien tiegħu dan il-post…

Attivita'

Il-Ġimgħa 17 ta Mejju, mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar, fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà, f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, ser ikunu qegħdin jorganizzaw it-tieni edizzjoni…

Aktar