Kompetizzjoni
Jirritorna L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ wara 10 snin

Wara nuqqas ta’ 10 snin reġa qed jittella’ l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bl-iskop li jħajjar liż-żgħażagħ ta’ taħt is-sittax jieħdu iktar interess fil-kitba, kompożizzjoni u interpretazzjazzjoni tal-kanzunetta Maltija bl-ilsien Malti; festival li l-għanijiet ta’ dan il-festival huma iktar edukattiviu ta’ espressjoni artistika, milli kompetittivi.

Dan hu proġett li jittella’ b’impenn u entużjażmu permezz ta’ ħidma flimkien bejn entitajiet kemm volontarji kif wkoll governattivi.

Matul dawn l-aħħar sentejn, rajna qabża ‘l quddiem fil-ġlieda tar-reżitenza kontra l-lingwa Maltija b’diversi artisti professjonali jippubblikaw kanzunetti bil-Malti, fosthom Il-Brikkuni, Corazon, u issa The Travellers Għaldaqstant, il-kumitat tal-Għanja tal-Poplu flimkien mal-Kulleġġ San Benedittu, bis-sapport tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Akkademja tal-Malti, Aġenzija Żgħażagħ, l-Malta Concert Orchestra ta’ Pjazza Teatru Rjal kif ukoll il-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement ħa tippreżenta ir-raba’ edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ, Festival li ser ikun pass kbir ‘l quddiem mill-edizzjonijiet preċidenti, għax il-kantanti
żgħażagħ finalisti ser ikollhom ix-xorti li jkunu akkumpanjati minn ensemble ta’ sittax-il mużiċist mill-Malta Concert Orchestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Joe Brown.

Dan l-ispettaklu ħa jkun ċelebrazzjoni ta’ kanzunetti oriġinali li għandhom kemm il-mużika kif ukoll il-lirika mirquma bil-Malti, l-ilsien nazzjonali u uffiċjali tagħna l-Maltin. L-għan aħħari huwa wieħed edukattiv fejn iż-żgħażagħ tal-lum ikollhom l-opportunitá li jaqsmu l-ideat li għandhom f’moħħhom flimkien ma’ ħaddieħor.

Meta fit-2 ta’ Novembru li għadda intlaqgħu l-applikazzjonijiet, ħadd ma kien qiegħed jobsor x’rispons kien ħa jkun hemm għaliex in-nies kultant tibża’ mill-innovitajiet, pero r-rispons kien tajjeb. B’kollox għal dan il-festival daħlu 48 kanzunetta li minnhom ġew magħżula xejn anqas minn 30 kanzunetta, li kollha ġew interpretati ‘live’ fit-teatru tal-Kulleġġ San Benedittu, il-post fejn ser jittella’ l-festival.

Ir-rebbieħa passati ta’ dan l-ispettaklu ma kienu ħadd ħlief Brooke, Marilena u Christabelle, li riċentament ġiet magħżula biex tkun l-ambaxxattriċi ta’ Malta ġewwa Lisbona fl-edizzjoni talEurovision Song Contest 2018.

Apparti dawn it-talenti lokali, u l-ħsibijiet tagħhom, mistiedna fis-serata ħa jkunu Francesco Puzo, Rosario Lanzaro u Luca Rossin flimkien mal-Maestro Vincenzo Sorrentino. Dawn it-tliet żgħażagħ Taljani ġew Malta bħala parti minn proġett kulturali u b’rispons għal dan, tliet kantanti lokali ħa jkollhom l-opportunitá li jmorru l-Italja fejn hemmhekk ħa jipparteċipaw f’serata tal-mużika.

L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ ħa jseħħ fit-2 ta’ Marzu 2018 fis-sala tal-Kulleġġ San Benedittu bi preżentazzjoni ta’ Kayley Cuschieri u Nathan Aquilina. Ħa jkun hemm żewġ rappreżentazzjonijiet l-ewwel waħda filgħodu miftuħa biss għat-tfal tal-iskejjel u l-għalliema tagħhom u t-tieni waħda li hija miftuħa għall-pubbliku.

Nawguraw lill-parteċipanti kollha, u nisperaw li dan il-festival jsir parti mill-kalendarju kulturali Malti.

Għal aktar informazzjoni dwar L-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ kif ukoll L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija nħeġġukhom iżżur is-sit elettroniku: ghanjafest.com mill-aktar fis possibli.

Aħbarijiet Oħra
Kompetizzjoni

Aqbad il-pinna, esprimi ruħek, u x-xogħol tiegħek jista’ jiġi ppremjat kif ukoll ikun fuq ktejjeb li jitqassam b’xejn lill-pubbliku. Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun għal darb’ oħra qed jorganizza l-Konkors Letterarju Annwali,…

Aktar