Mużika
Kantamagħna – festival għal kantanti tfal u żgħażagħ fit-Teatru Astra

Nhar is-Sibt, 23 ta’ Novembru se tittellgħa l-ewwel edizzjoni tal-Festival Kantamagħna – festival għall-kantanti tfal u żgħażagħ ġewwa t-Teatru Astra.

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, qalet li dan il-festival se jservi ta’ pjattaforma u opportunità tajba ħafna għat-tfal biex jesponu t-talenti tagħhom f’festival li se jittella’ apposta għal dan il-għan. Il-Ministru Caruana fakkret kif il-Ministeru għal Għawdex irnexxielu joħloq madwar 40 festival tematiku matul is-sena u dan hu xhieda tal-impenn tal-istess Ministeru biex iqarrab il-kultura aktar viċin lejn il-poplu.

Il-Ministru Caruana faħħret lid-DCapitals Band ta’ din l-inizjattiva fejn apparti li se tkun ta’ vetrina għat-talent lokali, se tippremja lir-rebbieħ b’kuntratt professjonali biex b’hekk il-kantant/a tkompli timraħ fil-karriera tagħha fuq bażi professjonali.

Waqt konferenza stampa, id-direttur mużikali tal-band George Apap, stqarr li: “Dan il-Festival għandu jservi bħala vetrina għal bosta kantanti żgħar. F’pajjiżna għandna ħafna talent u hawn għatx kbir għall-festivals bħal dan. Dan stajna narawh mill-ammont kbir ta’ applikazzjonijiet li daħlu għalih. Id-differenza bejn dan il-festival u festivals oħra huwa li dan qiegħed jagħti opportunità lill-kantanti tfal u żgħażagħ biex jipprattikaw u eventwalment ikantaw ma’ live band iffurmata minn 18-il element waqt is-serata finali.”

Fil-festival se jieħdu sehem 24 finalist li għaddew mill-fażi ta’ awdizzjonijiet li saru aktar kmieni f’Ottubru. Dawn il-finalisti – kantanti minn Malta u Għawdex b’etajiet li jvarjaw bejn id-9 u l-25 sena – se jkunu maqsuma fi tliet kategoriji: Kategorija A (kantanti bejn 9 u 12-il sena); Kategorija B (kantanti bejn 13 u 16-il sena) u Kategorija Ċ (kantanti bejn 17 u 25 sena). Ir-rebbieħa u runner-ups ta’ kull kategorija se jiġu mogħtija premju u r-rebbieħ “overall” se jingħata wkoll kuntratt ta’ sena mal-band DCapitals fejn ikun jista’ jibqa’ jaħdem, jipprattika u jieħu sehem f’avvenimenti li jkollha l-band f’Malta u anke barra minn xtutna.

Kantamagħna qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll bis-sapport ta’ Distinct Homes. Id-dħul għal dan il-festival huwa mingħajr ħlas. Il-festival jibda fis-7:30pm. Kulħadd huwa mistieden.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

Reġa’ wasal il-Malta International Organ Festival, festival tant mistenni minn dawk kollha dilettanti tal-knejjes u mużika klassika, li din is- sena ser ikun mit-22 ta’ Novembru sas-6 ta’ Dicembru bi ħmistax…

Mużika

Il-Kunċert annwali li l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta tagħmel b’risq id-Dar tal-Providenza se jsir fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina, il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru fit-8.00pm. Il-kunċert se jkun taħt il-patroċinju…

Mużika

The famed Saturday Night Bee Gees tribute band has arrived in Malta ahead of their one-night-only disco event in aid of Save Valletta’s Skyline appeal, taking place tonight. The six-member…

Mużika

A concert in aid of the restoration of the marouflage paintings adorning the Church of the Sacred Heart of Jesus in Nadur Gozo is going to be held within the…

Aktar