Edukazzjoni
Kif kienu jgħixu t-tfal fiż-żmien Neolitiku?

Kif kienu jgħixu t-tfal fiż-Żmien Neolitiku? Kif kienu jidhru? Kienu jinħaslu? X’kienu jieklu?

Kif kienu jqattgħu l-ġurnata? X’kienu jilbsu? Fejn kienu jorqdu? Veru li n-nies ta’ dak iż-żmien kellhom ħabta jiksru s-swaba’ ta’ saqajhom?

Mil-lum il-Ħamis, 18 ta’ Ġunju, Heritage Malta se tkun qed twassal inizjattiva ġdida li se tkun qed tiffoka fuq it-tema ta’ kif naħsbu li kienu jgħixu t-tfal fiż-Żmien Neolitiku.

Din l-inizjattiva se tikkonsisti f’ħames filmati qosra li se jintwerew fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Heritage Malta. Il-filmati se jitrattaw l-indafa u l-mediċina, l-ilbies u x-xagħar, it-tagħlim u x-xogħol, l-ikel u t-tisjir u l-attivitajiet ta’ filgħaxija.

Kull filmat se jkun segwit b’attività li jistgħu jagħmlu t-tfal fid-djar tagħhom.

Segwu l-paġna ta’ Facebook ta’ Heritage Malta għal aktar tagħrif u biex tipparteċipaw.