Edukazzjoni
Ktieb ġdid dwar it-Tempji ta’ Ħal Tarxien

Nhar il-Ħadd li għadda, madwar 4,000 viżitatur aċċettaw l-istedina ta’ Heritage Malta biex iżuru bla ħlas it-Tempji Megalitiċi ta’ Ħal Tarxien waqt attività li fiha ġie inawgurat ukoll ktieb ġdid dwar dan is-sit.

Kenneth Gambin, Kap Uffiċjal Operazzjonijiet ta’ Heritage Malta, stqarr illi l-Aġenzija kienet qiegħda tiċċelebra żewġ okkażjonijiet f’daqqa, li t-tnejn kienu marbuta mal-aċċessibilità.

“L-aċċessibilità hija kruċjali fil-missjoni ta’ Heritage Malta u din tieħu diversi forom. Illum, l-ewwel u qabel kollox, permezz tal-Open Day qed noffru aċċessibilità finanzjarja hekk kif id-dħul hu bla ħlas għal kulħadd. Imbagħad hemm ukoll l-aċċessibilità fiżika, hekk kif permezz tal-walkway il-viżitaturi jistgħu jaraw u jduru mas-sit b’aktar faċilità. Barra minn hekk, illum qed noħolqu wkoll aċċessibilità intellettwali fil-forma ta’ ktieb informattiv li jservi ta’ gwida interessanti għat-Tempji ta’ Ħal Tarxien.”

Godwin Vella, Manager tad-Dipartiment tal-Pubblikazzjonijiet u r-Riżorsi Didattiċi ta’ Heritage Malta fisser kif il-kotba li toħroġ regolarment l-Aġenzija jiffurmaw parti mill-istrateġija ta’ interpretazzjoni u disseminazzjoni tal-informazzjoni.

“Nagħmlu diversi tipi ta’ kotba fosthom din is-sensiela ta’ guide books għas-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta. Fil-passat diġà kellna kotba bħal dawn imma issa li għaddew is-snin minn fuqhom inħasset il-ħtieġa li dawn jiġu riveduti fi stil aktar attraenti u mexxej hekk kif inhu mistenni mill-viżitaturi tal-lum. Dan il-guide book huwa l-ewwel wieħed minn sensiela li qed nippjanaw li possibilment tissupera t-30 titlu.”

Josef Caruana, Kuratur tas-Siti Preistoriċi ta’ Heritage Malta u l-awtur ta’ dan il-ktieb spjega li dan il-guide book qed jirrifletti realtà ġdida; kemm tal-walkway li nbniet xi ftit tas-snin ilu u kif ukoll ta’ riċerka li saret f’dawn l-aħħar snin biex tgħinna nifhmu aħjar dawn l-istrutturi megalitiċi.

“Il-ktieb il-ġdid ġie ppjanat biex il-viżitatur ikun jista’ jara affarijiet speċifiċi f’sekwenza skont il-walkway li jkun għaddej fuqha. Fih il-qarrej isib kemm ir-riżorsi l-antiki u kif ukoll riċerka riċenti, flimkien mal-ħsibijiet tal-awtur dwar dawn l-istrutturi megalitiċi.”

“Aspett partikolari li ssib f’dan it-tempju u li ma ssibx fit-tempji l-oħra tal-gżejjer Maltin hu li fih instabet il-fażi ta’ Żmien il-Bronż. Fiż-żmien meta Temi Zammit kien qed jiskava dan il-post u sab dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi, din il-fażi kienet ġdida fl-arkeoloġija ta’ Malta. Infatti din issejħet ‘Tarxien Cemetery phase’ minħabba li Zammit kien qed jiskava ċimiterju ta’ Żmien il-Bronż.”

“Bażikament, wara li spiċċa Żmien it-Tempji, nifhmu li waslu nies oħra fuq dawn il-gżejjer li bdew jużaw parti minn dawn l-istrutturi megalitiċi bħala ċimiterju biex jidfnu l-mejtin tagħhom. Apparti d-differenza fl-użu tas-sit, hawnhekk naraw ukoll li dan il-poplu ‘ġdid’ kien qed jipprattika l-kremazzjoni billi jaħraq il-mejtin u wara jidfen il-fdalijiet f’dan il-post. Dan jagħti uniċità lit-Tempji ta’ Ħal Tarxien minħabba l-informazzjoni li rnexxielna nieħdu minnhom.”