Attivita'
Kunċert tal-Milied mill-Kor Jubilate Deo

Nhar it-Tnejn 17 ta’ Diċembru fil-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar ser jittella’ l-kunċert annwali għal żmien il-Milied mill-Kor Jubilate Deo. Din is-sena, il-kunċert għandu sinifikat akbar minħabba l-fatt li matulu ser ikun qed jiġi mniedi is-CD NATUS. Wara s-suċċess li kien kiseb is-CD ta’ mużika għall-Ġimgħa Mqaddsa CRUCIFIXUS fis-sena 2012, dan huwa t-tieni album tal-kor u din id-darba fih mużika tal-Milied li tvarja minn xogħolijiet oriġinali għal adattazzjonijiet ta’ għanjiet aktar tradizzjonali.

Il-Kor Jubilate Deo huwa wieħed mill-aktar korijiet prominenti f’Malta fil-qasam tal-mużika sagra mhux biss għall-interpretazzjonijiet raffinati tiegħu iżda wkoll għall-fatt li permezz tal-esperimentazzjonijiet tiegħu qiegħed jirnexxielu jagħti sens ġdid lill-mużika sagra u li jappella aktar għaż-żminijiet ta’ llum. Ix-xogħol tad-direttur mużikali Christopher Muscat Veni, Veni Emmanuel huwa wieħed minn dawn l-esperimenti li jħallat il-kant oriġinali Gregorjan (esegwit mill-Cappella Gregoriana) mad-daqq evokattiv tal-arpa (Caroline Calleja) b’armoniji kontemporanji. Iżda s-CD jinkludi anke xogħolijiet b’referenzi ċari għat-tradizzjoni u l-folk Malti (bħal Għanja ta’ Ragħaj kompożizzjoni ta’ Josef Bugeja jew Taħnina lil Ġesù Bambin ta’ Christopher Muscat li żżewweġ taħnin tradizzjonali Malti mal-għanja popolari Ninni La Tibkix Iżjed) kif ukoll xogħolijiet li saru, tista’ tgħid, is-simbolu tal-Milied Malti (bħal ma hi s-Sinfonia Pastorale ta’ Emmanuele Galea esegwita mill-organista Ronald Camilleri). Apparti l-involviment tagħha f’numru ta’ xogħolijiet oħra, Caroline Calleja hija wkoll il-protagonista f’Il-Benniena t’Emmanweli li huma sett ta’ varjazzjonijiet għall-arpa bbażati fuq tema Maltija antika.

Is-CD jinkludi fih ukoll xogħolijiet ta’ Dun Karm Scerri (Glorja ’l Alla) u Patri Alberto Borg o.s.a. (L-Għanja tal-Imħabba li fih jinstema’ il-kor tat-tfal jimita l-ħoss tal-qniepen ixandru t-twelid ta’ Kristu). Il-Pueri Cantores Jubilate Deo, immexxi minn Daniela Ellul, ikanta wkoll Aħna dawk l-Anġli (arranġament tal-kompożitur Naxxar Joseph Fenech), Il-Maxtura (ta’ Christopher Muscat bi kliem ta’ Robert Gatt) kif ukoll Ċekken lilu nnifsu (ta’ Ronald Camilleri).

Dawn u xogħlijiet oħra ser ikunu qed jiġu esegwiti fis-17 ta’ Diċembru f’kunċert li ser ikun ukoll qed jimmarka l-ħatriet ta’ Christopher Muscat bħala Direttur Mużikali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u Maestro di Cappella tal-Katidral Metropolitan kif ukoll tal-Kor Jubilate Deo bħala l-kor residenti fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Il-kunċert li ser jittella’ fil-Parroċċa ta’ Maria Bambina n-Naxxar u li jibda fis-19:30 ser ikun taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Dħul huwa b’xejn iżda min ser jattendi huwa mitlub li jkun sab postu sas-19.15/

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Il-BridLife Malta qalet li s’issa l-2019 kienet sena tajba għall-għasafar li jbejtu f’Malta b’għadd ta’ speċi differenti osservati jbejtu b’suċċess kemm fir-riservi naturali ta’ BirdLife Malta kif ukoll f’postijiet differenti…

Attivita'

The Directorate for Research, Lifelong Learning and Employability in collaboration with Friends of the Earth Malta, will be hosting a Sustainability Workshop and Repair Café on Saturday 22nd June at…

Attivita'

Iċ-Ċiefa (bl-Ingliż Scopoli’s Shearwater) hija għasfur tal-baħar li jqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjet. Dan l-għasfur ibejjet f’diversi rdumijiet madwar il-Gżejjer Maltin, u f’Malta għandna…

Aktar