Wirja
L-akkwarelli storiċi ta’ Nutar Għawdxi għall-wiri fl-Arkivju Nazzjonali t’Għawdex

In-Nutar Antonio Portelli twieled ir-Rabat, Għawdex fl-1 ta’ Marzu 1809, iżżewweġ darbtejn, u miet fl-età ta’ sebgħa u sittin sena nhar il-21 ta’ Jannar 1877. Hu pprattika l-professjoni tiegħu f’Għawdex bejn l-1839 u l-1877. Kien iqatta’ l-ħin liberu tiegħu jżejjen il-paġni ta’ quddiem ta’ xi wħud mill-volumi notarili tiegħu b’disinni tal-linka u akkwarelli. Għaldaqstant, ir-reġistri tiegħu huma uniċi. L-aktar ħaġa interessanti dwar dawn l-illustrazzjonijiet tiegħu hi li jirriflettu xeni u ġrajjiet ta’ żmienu.

L-akkwarelli tiegħu b’xeni minn Għawdex jinkludu dehra taċ-Ċittadella fl-1842; żewġ veduti ta’ Ħaġret il-Ġeneral fid-Dwejra, bl-aċċess lejn il-Blata permezz ta’ kaxxa miġbuda fuq ħabel, li kienet għadha tintuża sas-snin bikrin tal-1840; it-Tempji tal-Ġgantija parzjalment skavati fl-1844; purċissjoni ta’ funeral fl-okkażjoni tal-imxija tal-kolera tal-1850; u l-Fanal ta’ Ġurdan fl-1853, is-sena li fiha ġie inawgurat. Wieħed mill-akkwarelli eċċezzjonali tiegħu jagħti kważi ritratt tal-ewwel Wirja Agrarja u Industrijali organizzata fl-14 u l-15 ta’ Awwissu 1855 – magħrufa sal-lum bl-isem oriġinali tagħha ta’ Il-Wirja ta’ Santa Marija. Akkwarell ieħor interessanti juri mara Għawdxija qed taħdem disinn wiesa’ tal-bizzilla fuq trajbu li jidher iserraħ ma’ zokk ta’ siġra; dan tpitter fl-1852 meta l-industrija kienet bdiet taqbad l-art.

Żewġ akkwarelli jirreferu għal ġrajjiet internazzjonali: ir-ritorn tal-Papa Piju IX f’Ruma u t-trijonf fuq it-trijumverat li kien keċċieh ’il barra mill-Belt eterna; kif ukoll il-patt militari bejn l-Ingliżi, il-Franċiżi u l-Imperu Ottoman kontra l-Imperu Russu, f’dik li hi magħrufa aħjar bħala l-Gwerra tal-Krimea.

Għal din l-okkażjoni ġie ppubblikat f’edizzjoni limitata katalgu sħiħ b’dawn id-disinni tal-linka u akkwarelli kollha. L-NAG ħareġ ukoll edizzjoni limitata ta’ mitt sett, li kull wieħed fih pakkett speċjali ta’ għaxar kartolini bl-iktar għaxar akkwarelli impressjonanti li ħarġu minn id in-Nutar Antonio Portelli.

Il-wirja, li qed tinżamm f’kollaborazzjoni mal-Arkivju Notarili ta’ Għawdex, se tiġi mnedija uffiċjalment minn Dr Justyne Caruana, Ministru għal Għawdex, nhar l-Erbgħa 21 ta’ Marzu 2018, fil-binja tal-Arkivju Nazzjonali (Sezzjoni ta’ Għawdex), fi Triq Vajrinġa, il-Belt Victoria. Tkun miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt, bejn il-Ħamis 22 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 20 ta’ April 2018, mit-8.30am san-12.30pm, barra mill-festi pubbliċi. Id-dħul huwa b’xejn. Il-Wirja Illustrazzjonijiet Storiċi fl-Atti tan-Nutar Antonio Portelli qed tittella’ bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex u tal-HSBC.

Aħbarijiet Oħra
Wirja

Bħala parti mill-introduzzjoni għat-tibdil fis-sistema’ edukattiva li se tibda f’Settembru 2019, il-Mede qed ittella’ diversi wirjiet bit-titlu ta’ L-Alternattiv mhux Inferjuri. F’ Settembru 2019 se naraw l-introduzzjoni tal-My Journey fejn…

Wirja

Nhar il-Ħadd, 23 ta’ Diċembru, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta, se jkun miftuħ għall-pubbliku bla ħlas. L-esebiti ġewwa dan il-mużew ikopru żmien twil li jibda mill-Perjodu Neolitiku (5,200 QK) u…

Wirja

Dan iż-żmien tal-Milied, aktar minn żmien ieħor fost is-sena, ifakkar lil bosta fit-tradizzjonijiet ta’ tfulitna.  Fost l-oħrajn il-purċissjoni bil-bambin, il-ġulbiena, u l-presepji differenti bil-ġebel tal-gagazza jew bil-kartapesta. Dawn it-tradizzjonijiet tilfu…

Wirja

Samson is a Maltese national of Ethiopian origin best known as an actor, magician, musician and entertainer. His latest discovery is that of painting. Samson has been living in Malta…

Aktar