Informazzjoni
L-arblu navali tal-Forti Sant’Anġlu jitniżżel għall-manutenzjoni

L-arblu navali fil-Forti Sant’Anġlu tniżżel minn Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Ordni Sovran u Militari ta’ Malta (SMOM). L-operazzjoni biex instab l-aħjar metodu kif kellu jitniżżel dan l-arblu ilha għaddejja x-xhur u dan meta wieħed iqis ukoll li dan l-arblu storiku qatt ma tniżżel minn postu biex jingħata l-manutenzjoni minn meta l-Flotta Ingliża telqet minn Malta fl-1979.

L-arblu navali tal-injam fil-Forti Sant’Anġlu jmur lura għall-ewwel snin tas-seklu 20. Twaħħal wara li l-Ammiraljat akkwista l-Forti fl-1906 u minn dakinhar kien fost l-aktar affarijiet li jispikkaw fil-Forti. L-għanijiet ta’ dan l-arblu kienu tlieta: kienet tittella’ l-bandiera tal-Flotta Ingliża peress li l-Forti Sant’Anġlu kien il-kwartieri tal-Ammiraljat sal-1979; intuża biex jingħataw direzzjonijiet ta’ manuvrar fil-Port il-Kbir u; kienu jingħataw sinjali tat-tbassir tat-temp. Arblu simili kien jinstab fuq il-Bastjun ta’ Lascaris fil-Belt Valletta, iżda tneħħa wara li ngħalqet il-bażi navali Ingliża fl-1979. Għaldaqstant, l-arblu navali tal-Forti Sant’Anġlu huwa l-aħħar wieħed tat-tip tiegħu eżistenti fil-gżejjer Maltin.

Is-sinjali ta’ deterjorazzjoni huma evidenti fil-parti t’isfel tal-arblu u għalhekk grupp tekniku minn Heritage Malta kellu jadotta sistema ġdida kif l-arblu seta’ jitniżżel. Twaħħlu żewġ ganċijiet tal-idejn biex l-arblu seta’ jitniżżel b’lura. L-operazzjoni biex jitniżżel l-arblu damet sagħtejn.

Fil-ġimgħat li ġejjin jibda studju fuq il-kundizzjoni tal-arblu u l-aċċessorji li hemm imwaħħla miegħu, biex wara jitfassal programm ta’ konservazzjoni u restawr wara, l-arblu navali jkun jista’ jerġa’ jitpoġġa bi prominenza f’postu fil-Forti Sant’Anġlu.