Attivitajiet Kulturali
L-esibizzjoni fotografika ta’ Valletta 2018 ‘Broken Dreams’ tiftaħ fil-Belt Valletta

Broken Dreams, parti mill-esibizzjoni fotografika multikulturali ta’ Valletta 2018, A Tale of Two Cities, tiftaħ fl-20 ta’ April fil-Mużew Nazzjonali tal-Posta u l-Hub tal-Arti fil-Belt Valletta.

L-esibizzjoni hija kollezzjoni ta’ ritratti ta’ David Pisani, li ttieħdu f’Ċipru bejn l-2009 u l-2012. L-istampi esibiti huma kollha pprintjati manwalment fuq karta tal-ġelatina tal-fidda mill-fotografu nnifsu. Broken Dreams hija esej fotografika li ma tintesiex faċilment, u titratta dwar il-belt ta’ Nikosija u l-kunflitti fit-Tramuntana ta’ Ċipru, fejn argumenti politiċi li wasslu għall-gwerra tal-1974 għadhom s’issa ma ġewx solvuti.

Pisani jiddokumenta l-istat ta’ uġigħ emozzjonali minħabba dawn il-kunflitti permezz tal-fdalijiet ta’ bini abbandunat li juru sinjali li xi darba kien hemm gwerra u attività militari. Pisani jiġbed ritratti ta’ dan il-bini, li fis-skiet ifakkar il-ħolm imkisser ta’ gżira kwieta fil-Mediterran.

Il-kollezzjoni fotografika ġiet esibita fl-2017 bħala parti mill-programm uffiċjali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura Pafos 2017, u issa se tkun ukoll f’Malta bħala parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Ix-xogħol ta’ Pisani ġie wkoll esibit fil-fiera prestiġjuża Biennale of Photography f’Pariġi fl-1996, u huwa wkoll parti mill-kollezzjoni permanenti ta’ arti fil-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Franza.

L-esibizzjoni qed tittella’ fil-Mużew Postali u Arts Hub fi Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta, bejn l-20 ta’ April u t-12 ta’ Mejju, 2018, u l-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn l-10am u l-4pm. Se ssir ukoll konferenza relatata mas-suġġett u miftuħa għall-pubbliku fl-istess mużew fit-28 ta’ April fil-11am.

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

Heritage Malta qed toffri opportunità mhux tas-soltu lill-pubbliku li jesplora l-fortifikazzjonijiet li jdawwru l-Port il-Kbir u l-madwar minn fuq il-baħar. Din l-attività, li se ssir nhar il-Ħadd 22 ta’ Lulju,…

Attivitajiet Kulturali

Malta Calls, party uniku organizzat minn Valletta 2018 u ŻfinMalta, se jsir nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Lulju mit-8pm ‘il quddiem fil-Grounds tal-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara (ex Sir Adrian…

Attivitajiet Kulturali

L-aħħar serata qabel waqfa tul is-Sajf mis-sensiela mużiko-letterarja, ‘Iljieli fit-Teatru’, se tkun qegħda ssir nhar it-Tnejn 4 ta’ Ġunju, 2018, fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta. Tul din…

Attivitajiet Kulturali

Heritage Malta se torganizza attività dwar misteri u stejjer sopranaturali marbuta mal-Forti Sant’Anġlu.  Minbarra li huwa ġawhra fl-istorja kulturali ta’ Malta, dan il-forti għandu ħafna misteri u leġġendi marbuta mal-istorja…

Aktar