Reliġjon
L-istatwa titulari ta’ San Ġużepp se ssalpa mill-Belt lejn l-Imsida

Fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-miġja tal-istatwa titulari ta’ San Ġużepp fl-Imsida, se jsiru dawn l-attivitajiet fi tmiem il-ġimgħa:

Il-Ġimgħa 16 ta’ Marzu: wara l-quddiesa tas-6.00pm, l-istatwa titulari ta’ San Ġużepp toħroġ mill-Knisja Parrokkjali u ssir purċissjoni lejn il-kappella tal-Kunċizzjoni fejn wara mument ta’ talb tittieħed bit-trasport lejn il-knisja tal-Ġiżwiti l-Belt. Tittieħed b’purċissjoni lejn il-Knisja tal-Madonna tal-Porto Salvo (San Duminku) fil-Belt.

Il-Ħadd 18 ta’ Marzu: Fit-8.00am l-Istatwa titulari ta’ San Ġużepp toħroġ b’purċissjoni mill-knisja ta’ San Duminku fil-Belt. Fid-9.15am tibda vjaġġ bid-dgħajsa sal-moll ħdejn is-Slipway fix-Xatt tal-Imsida fejn tkun milqugħa mill-Banda Melita li takkumpanjaha matul ix-xatt sal-pjazza ta’ quddiem il-Knisja.
Fil-11.00am tkun iċċelebrata quddiesa fil-pjazza mill-kappillan il-ġdid, il-Kanonku Dun Simon Sciberras.

It-Tnejn 19 ta’ Marzu: Fis-6.00pm Quddiesa Kantata Solenni fil-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Simon Sciberras bħala l-Kappillan tal-Parroċċa San Ġużepp, l-Imsida

X’inhi l-istorja tal-istatwa ta’ San Ġużepp?

Fil-25 t’Ottubru tal-1892, Dun Andrea Debono, prokuratur tal-knisja ġab il-permess tal-Isqof Pietru Pace biex iġib statwa ta’ San Ġużepp għall-purċissjoni u jsiru l-pedestall, il-bradella u l-bankun għaliha. L-istatwa li nħadmet f’Lecce l-Italja mid-ditta Luigi Guacci, waslet Malta f’April tal-1893 u ntużat għall-ewwel darba fil-festa li saret nhar il-Ħadd, it-23 t’April. Sal-1898, il-festa kienet issir fl-aħħar Ħadd t’April jew l-ewwel Ħadd ta’ Mejju b’tifkira tal-Patronċinju ta’ San Ġużepp.

Mill-1900 bdiet issir il-Ħadd wara s-16 ta’ Lulju b’digriet tal-Papa Ljun XIII fl-4 ta’ Novembru tal-1899. Fl-1894, is-Sur Antonio Padovani Ginies, arġentier Misidjan, ħadem fil-fidda d-dijademi ta’ San Ġużepp, il-Bambin u l-bastun tal-fidda. Fl-1916, l-istatwa kienet restawrata u dekorata mill-imgħallem Franġisku Coleiro tal-Belt. Saret ukoll girlanda tad-deheb li tant tixraq. Nhar il-Ħadd, 16 ta’ Lulju tal-1916 saret festa kbira fl-Imsida meta fid-9.00 a.m., l-istatwa ta’ San Ġużepp inġiebet mill-ħanut ta’ Coleiro u kellha daħla trijonfali fl-Imsida. Ġimgħa wara, fit-23 ta’ Lulju, saret il-festa.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2019 jingħata bidu għal disgħa t’ijiem ta’ Novena ta’ preparazzjoni għall-Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni fl-Imqabba. In-Novena tiftaħ fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba fil-5:30pm bir-reċita tar-Rużarju. Wara tingħad il-Kurunella tal-Immakulata Kunċizzjoni u tingħata l-Barka…

Reliġjon

Fl-okkażjoni tal-400 sena mill-inkwadru tal-Madonna ta’ Pinu, ix-xbieha pellegrina se tkun qiegħda tintlaqa’ fil-Parroċċa ta’ Birżebbuġa fix-xahar t’Ottubru, xahar iddedikat lil Ommna Marija. L-Inkwadru jasal l-Erbgħa 9 t’Ottubru fit-8.00pm, meta…

Reliġjon

L-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta tgħid li għall-Maltin il-Kapitlu 28 tal-Atti tal-Appostli huwa speċjali, għax insibu r-rakkont tal-ġrajja tal-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna u l-laqa’ li Publju, l-prinċep tal-gżira għamillu. Il-figura…

Reliġjon

Nhar il-Ħadd 25 ta’ Awwissu, wara nuqqas ta’ aktar min tletin sena l-Luqin ser jerġgħu jaraw l-istatwa devota tal-Madonna taċ-Ċintura, lura fit-toroq tar-raħal. Kienet ilha ħafna x-xewqa tal-Luqin li din…

Aktar