Attivita'
L-istazzjon tat-tifi tan-nar b’wirjiet għall-familji fi tmiem il-ġimgħa

Is-Sibt u l-Ħadd li ġej se jkunu jumejn ta’ attivitajiet divertenti u edukattivi għall-familja kollha, organizzati minn Heritage Malta u mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2018. Din se tkun opportunità għall-pubbliku biex isir jaf aktar dwar servizzi li qajla wieħed jagħti kas li huma servizzi pubbliċi.

L-attivitajiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkunu mifruxin fuq jumejn bit-tema ‘Servizz u Protezzjoni’ u se jsiru fl-istazzjon tat-tifi tan-nar ta’ Ħal Far. Kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd, mid-9.30am ’il quddiem se jkun hemm wirjiet ta’ tifi tan-nar, wirjiet tal-klieb, wirjiet bil-ħbula, simulazzjoni ta’ inċidenti tat-traffiku, opportunitajiet ta’ ritratti, logħob edukattiv għat-tfal u għall-adulti kif ukoll wirjiet statiċi bil-vetturi.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li dan l-open weekend se jkun opportunità biex il-pubbliku jersaq eqreb lejn is-Servizz Pubbliku, partikolarment lejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u jara mill-qrib il-ħidma vasta ta’ dan id-dipartiment filwaqt li jitgħallem dwar kif jista’ jevita inċidenti li jistgħu jinqalgħu. It-tema magħżula – Servizz u Protezzjoni – tiġbor fiha din il-ħidma kollha għax id-dipartiment li joffri ħarsien liċ-ċittadin hu parti mis-Servizz Pubbliku.

L-attività ta’ Heritage Malta se ssir nhar il-Ħadd li ġej meta s-siti storiċi u l-mużewijiet ta’ Malta se jinfetħu għall-pubbliku bla ħlas. Il-viżitaturi se jkollhom ukoll opportunità mhux tas-soltu li jżuru t-Tempji ta’ Kordin li normalment jinfetħu biss b’appuntament. Fil-Forti Sant’ Anġlu fil-11.00am se ssir ukoll il-parata In Guardia. Barra minn hekk, il-pubbliku se jkun jista’ jżur żewġ wirjiet tal-arti li għaddejjin bħalissa f’siti ta’ Heritage Malta, jiġifieri ‘Picasso and Miro: The flesh and the spirit’ fil-kmamar statali tal-Palazz, il-Belt u ‘The Schranz family of artists: A journey of rediscovery’ fil-Forti Sant’ Iermu.

L-Aġent Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit enfasizza kemm hu importanti li l-aġenzija tieħu sehem f’inizjattivi ta’ dan it-tip. “Il-missjoni ta’ Heritage Malta hi li tilħaq kemm jista’ jkun lill-pubbliku ġenerali billi ttejjeb l-aċċessibbiltà fil-mużewijiet u fis-siti tagħha. U x’hemm aqwa milli niftħu siti u mużewijiet tal-istat b’xejn għal kulħadd biex niċċelebraw il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku? Din hi opportunità eċċellenti biex nippromwovu l-wirt kulturali u storiku tagħna filwaqt li nuru x-xogħol li qed isir minn Heritage Malta biex intejbu l-prodott u s-servizzi kulturali”, qal is-Sur Zammit.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Wara s-suċċess li kisbet il-Gozo Youth Orchestra bil-preżentazzjoni tal-11-il edizzjoni tal-ispettaklu mużikali Opera vs Pop under the Stars fil-Bitħa tal-Ministeru għal Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Lulju, issa jmiss lil…

Attivita'

Nhar il-Ġimgħa 31 t’Awwissu u s-Sibt 1 ta’ Settembru, sitt produzzjonijiet qosra ser ikunu qed jitellgħu ġewwa Bormla fl-ewwel edizzjoni tal-Cospicua Short Play Festival. Dawn is-sitt plays, ta’ 20 minuta…

Attivita'

Hekk kif is-sajf issa daħal f’laqwa tiegħu, mhux b’inqas l’għadd kbir ta’ attivitajiet li jiġu organizzati matul dan l-istaġun. Għawdex f’dan iż-żmien ikun fl-aqwa tiegħu, b’għadd kbir ta’ Maltin u…

Attivita'

Heritage Malta qiegħda tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi l-wirt kulturali u naturali fil-viċinanzi ta’ Għar Dalam f’atmosfera differenti u li jorqdu fil-miftuħ u f’ambjent sigur u trankwill bejn is-Sibt 11…

Aktar