Mużika
L-Orkestra Filarmonika Nazzjonali tiċċelebra l-Milied b’The Nutcracker

Il-mużika ta’ wieħed mill-ballets l-aktar popolari tad-dinja – The Nutcracker ta’ Tchaikovsky – se tindaqq f’kunċert li se torganizza l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fil-15 ta’ Diċembru.  Il-kunċert se jsir fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, fejn se tittella’ tinda għall-okkażjoni.

Minkejja l-popolarità preżenti tiegħu, il-produzzjoni oriġinali tal-ballet – li ttellgħet għall-ewwel darba f’San Pietruburgu fl-1892 – ma kenitx suċċess. Però l-mużika ta’ Tchaikovsky kienet intlaqgħet tajjeb, u s-suite mużikali ta’ 20 minuta li l-kompożitur ħareġ mill-ballet kienet suċċess immedjat, tant li eventwalment għenet biex il-ballet innifsu jilħaq il-popolarità. Kemm is-suite kif ukoll il-ballet ġew assoċjati mal-Milied, u anke minħabba f’hekk, il-ballet sar l-aktar ballet li jittella’ frekwentament fid-dinja.

F’dan il-kunċert, li se jkun immexxi mid-direttur tal-orkestra Armenjan Sergey Smbatyan, l-orkestra se ddoqq selezzjoni estensiva ta’ mużika mill-ballet, li tinkludi l-mużika tas-suite mużikali li għenet tagħmlu ballet ikoniku.  Fl-ewwel parti ta’ dan il-kunċert se jindaqqu żewġ xogħlijiet ta’ kompożitur ieħor rinomat tal-era romantika, Felix Mendelssohn, bl-Overture to A Midsummer Night’s Dream, li nkitbet meta Mendelssohn kellu biss 17-il sena, tiftaħ is-serata.

Warajha se jindaqq l-unika Kunċert għall-Vjolin li qatt kiteb, l-aħħar xogħol li l-kompożitur ikkompona għal orkestra kbira u wieħed mill-aktar kunċerti għall-vjolin rinomati. Għal dan il-kunċert se tingħaqad mal-orkestra il-vjolinista żgħażugħa Amerikana Esther Yoo, li ddoqq fuq vjolin Stradivarius tas-sena 1704 magħruf bħala l-“Prince Obolensky,” li hu misluf lilha minn kollettur privat.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

The evocative Hâra d-Dejqa (Narrow Street) in very central Victoria will be the venue of an open-air classical concert being held on Saturday, 25th August. Presented by the Gozo Cultural…

Mużika

II-grupp vokali The Swingles ilu jwessa’ l-orizzonti mużikali għal dawn l-aħħar ħamsin sena. Is-seba’ kantanti żgħażagħ li illum jiffurmaw dan il-grupp ibbażat f’Londra – Joanna Goldsmith-Eteson, Federica Basile, Liz Swain,…

Mużika

Fil-25 ta’ Awwissu se jsir kunċert tal-mużika bl-orgni fix-Xewkija, f’Għawdex. Il-kunċert, li se jibda fis-19:30pm, se jitmexxa minn Luke Mitchell fil-knisja ta’ San Gwann Battista fix-Xewkija, Għawdex. Għal aktar informazzjoni…

Aktar