Attivitajiet Kulturali
Lejla ta’ kultura f’Casal Paola

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid flimkien mal-Għaqda Soċjali Mużikali Kristu Sultan Banda Paola reġgħu ngħaqdu biex jippreżentaw edizzjoni oħra tal-attività festiva “F’Casal Paola fi Pjazza Antoine De Paule – Lejla ta’ Storja, Arti u Mużika” nhar is-Sibt, 19 ta’ Ottubru, mis-7 ta’ filgħaxija ‘l quddiem.

Din l-attività se terġa’ teħodna lura tul kważi 400 sena ta’ storja li sawret lil dan ir-raħal u li llum tista’ tgħid li sar belt kruċjali fin-nofsinhar ta’ Malta. Huwa għalhekk li matul din is-serata, l-istorja u t-tradizzjonijiet tal-imgħoddi se jkunu qegħdin jitħalltu mal-arti u l-mużika.

Dan se jsir billi l-ambjent ta’ Pjazza Antoine De Paule se jinbidel b’mod li jgħin lil dawk kollha li sejrin jattendu jidħlu fl-atmosfera u jmorru lura lejn żmien l-imgħoddi permezz ta’ re-enactments u t-teatru tat-triq fost oħrajn.

Għalhekk sejrin nassistu għall-wasla tal-Gran Mastru Antoine De Paule u l-qari tal-bandu. Sejrin inkunu nistgħu wkoll nattendu għat-tieġ Malti kif kien isir f’dari. Se jkun hemm ukoll l-element mużikali bi gruppi folkloristiċi b’daqq ta’ mużika u għanjiet tradizzjonali Maltin flimkien ma’ żfin folkloristiku.

Diversi wirjiet f’partijiet differenti ta’ din il-pjazza se jkunu qegħdin jesebixxu xogħol ta’ arti, u sejrin inkunu nistgħu wkoll nammiraw xogħlijiet diversi ta’ artiġjanat Malti. Ma jonqsux ukoll wirjiet ta’ karettuni antiki li minnhom tant konna naraw fit-toroq Maltin ibiegħu kull tip ta’ prodotti agrikoli u oħrajn, kif ukoll karozzi antiki u klassiċi flimkien ma’ vetturi li kienu jintużaw fit-Tieni Gwerra Dinjija.

U waqt li dawk preżenti sejrin ikunu jistgħu jżuru x-Xelter ta’ żmien il-gwerra li se jkun imdawwal bid-dawl tax-xemgħa, se jkun hemm ukoll l-opportunità li wieħed jassisti u forsi wkoll jidħaq daħka sew bit-teatru tat-triq u bl-għana tradizzjonali minn għannejja popolari akkumpanjati minn kitarristi magħrufa.

Ma jonqsox ukoll is-sehem ta’ diversi kantanti u żeffiena, waqt li dawk li jippreferu mużika b’laqta aktar serja jistgħu jattendu għall-kunċert fuq l-orgni fil-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re. Ittieħed ukoll ħsieb biex ikun hemm żona speċjali għat-tfal, waqt li għall-bejgħ se jkun hemm ikel tipiku Malti, xorb u ħafna aktar.

Se jkun hemm parkeġġ provdut fiż-żona ta’ Ġnien il-Mediterran kif ukoll tal-Grawnd ta’ Pace Grasso.

Kulħadd mistieden biex jattendi flimkien mal-familja u l-ħbieb tiegħu. Attrazzjoni oħra ġdida li se ssir din is-sena hija li matul is-serata se jkun hemm diversi rigali sbieħ x’jintrebħu minn dawk li jkunu preżenti.

Aħbarijiet Oħra

Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Settembru, Heritage Malta qed torganizza żewġ żjarat bi gwida fis-sit ta’ San Pawl Milqi. Id-dħul huwa bla ħlas iżda l-parteċipanti huma mistennija jakkwistaw il-biljett minn qabel…

Bħala Mużew Nazzjonali tal-Arti u tal-komunità, MUŻA regolarment joħloq attivitajiet differenti li jwasslu għarfien ġdid filwaqt li joħolqu interess fil-viżitaturi ġodda. Nhar is-Sibt, 1 t’Awwissu, Heritage Malta qiegħda tistieden studenti…

Heritage Malta qiegħda toffri l-opportunità lill-pubbliku biex jagħti merħba lill-ewwel raġġi tas-sajf mit-Tempji tal-Mnajdra fil-Qrendi nhar is-Sibt, 20 ta’ Ġunju. Mas-sebħ, fl-ewwel ġurnata tas-sajf, ix-xemx tidher tiela’ b’allinjament partikolari ma’…

Għal sena oħra, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, se jkun qed isir l-ispettaklu tad-Diamonds of Fire. Dan l-avveniment se jkun qed jittella’ f’Bormla, is-Sibt, 7 ta’ Diċembru…

Aktar