Kultura
Lejlet il-Milied Ħal Tarxien se jinawgura r-restawr tal-koppla

Il-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien se tinawgura r-restawr u ridekorazzjoni tal-koppla. L-inawgurazzjoni se ssir nhar l-24 ta’ Diċembru 2018 għall-ħabta ta’ 10:00pm matul il-Velja tal-lejl Qaaddis tal-Milied. Din se tkun inawgurata mit-tfal preżenti li se jiġbdu ħabel wieħed lkoll flimkien u b’hekk wara żmien twil ħafna il-poplu Tarxiniż se jerġa’ jibda jgawdi din l-opra mill-isbaħ.

L-inawgurazzjoni se ssir wara li dis-sena ngħat bidu biex l-iskutella tal-anterna tinbidel għax il-ġebel kien fi stat ħażin ħafna.  Wara li nbidel is-saqaf tal-anterna beda x-xogħol ta’ restawr, fejn kien hemm ħsarat sostanzjali. Il-kumpanija Agatha Grima Conservators ġiet fdata bir-restawr tal-pittura.  Minbarra tindif minn ħmieġ u verniċetta antika, fejn kien hemm bżonn sar konsolidar tal-ġebla u twaħħil mill-ġdid tat-tila mal-ħitan.

Sfond storiku:

Il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien inbniet bejn l-1610 u l-1627.  Dan skont il-vista pastorali tal-1627 fejn hemm deskrizzjoni tal-knisja.  Jidher li fuq l-artal maġġur kien hemm xi forma ta’ koppla. Lejn nofs is-seklu 18 il-knisja saritilha bidla radikali u minn bixra rinaxximentali ngħatat dehra aktar barokka kif kienet il-moda. Kabbru l-kor, il-korsija u l-kappelluni u għamluhom jispiċċaw nofs tond.  Barra hekk għollew is-saqaf u bnewh bil-cross vaulting u nkurunawh b’koppla ġdida fuq stil barokk.

F’din il-medda ta’ żmien il-koppla rat l-istorja tinkiteb.  Intlaqtet għal aktar minn darba minn sajjetti.  Saħansitra ntlaqtet mill-balal ta’ żmien l-imblokk tal-Franċiżi.  Fi żmien it-Tieni Gwerra t-twieqi tagħha ssewwew bil-landi.

Sas-snin ta’ qabel il-Gwerra l-koppla minn ġewwa kienet nieqsa minn kull dekorazzjoni.  Kellha biss l-iskultura ta’ madwar it-twieqi.  Il-kustilji kienu miżbugħin roża u l-fondijiet fejn illum hemm il-pittura miżbugħin ċelesti, skema ta’ kuluri li kienet tinstab fil-knisja kollha.  Fl-1948 il-prokuratur tal-knisja, dak iż-żmien Dun Mikiel Vella, ressaq rikors biex il-koppla tiġi dekorata minn ġewwa.  Il-pittur Ġanni Vella ġie nkarigat mill-pittura u d-direzzjoni tad-dekorazzjoni.  Fl-1949 ġew ippreżentati l-abozzi tal-pittura. Il-proġett ġie approvat mill-kurja u x-xogħol beda. Michael Demicoli beda l-iskultura, Giuseppe Barbara ħadem il-pasta. Id-ditta Coleiro ħadet ħsieb l-induratura.  Gian Battista Conti, pittur li kien qed jaħdem Għawdex, għamel id-disinn tal-ħġieġ tat-twieqi. Dawn in-nies flimkien bidlu għalkollox id-dehra tal-koppla minn ġewwa.  Fi Frar tal-1950 il-koppla ġiet inawgurata.

Fl-1986 sar l-ewwel restawr fuq id-dekorazzjoni tal-koppla.  Id-direzzjoni ġenerali kienet f’idejn Dun Gino Gauci li ħa ħsieb it-tindif u r-restawr tal-pittura waqt li voluntiera żebgħu u għamlu t-tiswijiet li kien hemm bżonn.  Fost dawn kien hemm Renzo Gauci li pitter l-anġli li kien hemm fis-saqaf tal-anterna.  Din il-ħaġa, il-mibki Renzo, reġa għamilha fl-2017.  Kellha jkun l-aħħar xogħol tiegħu fil-knisja.

Ritratt: Paul Mula

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Is-Soċjetà Filarmonika ‘Sliema’ flimkien mal-Patrijiet Franġiskani, u l-Kummissjoni Festi Santwarju Madonna tas-Sacro Cuor u bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, se ttella’ l-Programm Vokali u Mużikali tal-Milied nhar il-Ġimgħa 20 ta’…

Kultura

Is-Sibt 16 ta’ Novembru, is-Soċjetà Filarmonika Leone se tippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Banda Ċittadina Leone, ‘Encore! – The Leone Band in Concert’. Dan il-kunċert, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Colin Attard, se…

Kultura

Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku biex iżur il-Katakombi ta’ San Pawl u ta’ Santu Wistin li jinsabu r-Rabat, waqt Open Day fejn id-dħul se jkun…

Kultura

Nhar it-Tnejn, 4 ta’ Novembru, dawk l-istudenti kollha li akkwistaw il-viża tagħhom bil-Passaport ta’ Heritage Malta huma mistiedna għall-avveniment esklussiv li se jsir fis-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Din…

Aktar