Attivita'
Heritage Malta b’mixja kulturali fl-Imġarr

Heritage Malta se torganizza mixja kulturali fl-Imġarr li tinkludi żjajjar lit-Tempji ta’ Ħaġrat u Skorba u mitħna tad-dqiq li tinsab taħt l-art.

Ta’ Ħaġrat jinkludi żewġ tempji preistoriċi ħdejn xulxin. Is-sit kien skavat bejn l-1923 u l-1926 filwaqt li fl-1953 u fis-sittinijiet saru interventi żgħar oħrajn. L-ikbar struttura tmur lura għall-fażijiet bikrija tal-preistorja, jiġifieri għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3200QK). Din l-istruttura għandha bieb monumentali u faċċata li jaghtu karatteristika partikolari lis-sit. Oġġetti taċ-ċeramika li nstabu fis-sit jindikaw li kien użat kemm qabel kif ukoll wara li nbnew it-tempji.

Skorba kien l-ewwel sit megalitiku li fih intużat teknika moderna għall-iskavar. Kienu ġew identifikati numru ta’ oġġetti arkeoloġiċi minn fażijiet differenti tal-preistorja Maltija. Skorba huwa magħruf għaż-żewġ strutturi megalitiċi li jmorru lura għall-fażi tal-Ġgantija (3600-3000QK) u tat-Tempji ta’ Ħal Tarxien (3200-2500QK). F’dan is-sit instabu wkoll għadd ta’ oġġetti tal-fuħħar, għadam tal-annimali, figurini kif ukoll fdalijiet ta’ għerejjex domestiċi minn fażijiet differenti mill-preistorja ta’ Malta.

It-Tempji Ta’ Ħaġrat u Skorba jifformaw parti mil-lista tal-wirt kulturali dinji tal-UNESCO.

Il-mitħna tad-dqiq taħt l-art hija waħda minn sebat imtieħen taħt l-art li nbnew mill-forzi militari Britanniċi waqt il-Gwerra l-Bierda (snin ħamsin) bħala parti minn pjan ta’ difiża ċivili. L-għan ta’ dawn l-impjanti kien li fl-eventwalità ta’ gwerra nukleari fil-Mediterran, il-produzzjoni tal-ħobż tibqa’ għaddejja.

Il-mixja kulturali fl-Imġarr se ssir il-Ħadd li ġej u se titmexxa minn storiku lokali. Il-parteċipanti huma mitluba jiltaqgħu quddiem il-lukanda Phoenicia fil-Floriana fid-9.00am u huma mitluba wkoll jilbsu żraben adattati għall-mixi.

In-numru ta’ biljetti huwa limitat. Il-biljetti, għall-prezz ta’ €15 adulti u €12 għall-anzjani, studenti u membri ta’ Heritage Malta, jistgħu jinkisbu mill-mużewijiet u siti tal-aġenzija jew online.

Għal iktar tagħrif ċemplu fuq 23954000 jew 23954242 jew żuru l-website tal-aġenzija, www.heritagemalta.org

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Fuq l-ixkafef tal-libreriji tagħna nsibu kotba t’awturi minuri qoxra ma’ qoxra ma’ kotba ta’ ġganti letterarji. Tul kors ta’ sentejn sħaħ, l-istudenti tad-Diploma fil-Letteratura Maltija stħarrġu għadd t’awturi sabiex jixħtu dwal…

Attivita'

Għada Ħal Qormi se jibqa’ mqajjem għal-Lejl f’Casal Fornaro. L-avveniment jippromwovi l-kultura, tradizzjoni u folklor Malti. L-attività tiffoka l-aktar fuq it-tradizzjoni tal-ħobża Maltija. Bl-attivitajiet jimirħu f’diversi toroq ta’ Ħal Qormi,…

Wirja

Se titnieda l-Maltex Philatelic Exhibition and Collectors’ Fair, wirja li se tiġbor fiha fost l-oħrajn kollezzjonijiet ta’ oġġetti tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dan minbarra li se jkun hemm għall-wiri fliexken tradizzjonali…

Attivita'

Malta Feline Guardians Club (MFGC) se ttella’ xow tal-qtates bejn is-27 u t-28 t’Ottubru f’Montekristo. Dawk kollha li jħobbu l-qtates huma mħeġġa biex jattendu u jipparteċipaw biċ-ċans li jirbħu l-premju…

Aktar