Informazzjoni
MIXTA production ser itellgħu pantomina b’risq ‘Passi and Beyond’

Fit-tieni ġimgħa ta’ Diċembru 2017 se tittella’ pantomima fejn parti mill-qliegħ tax-xiri tal-biljetti sejjer imur għall-organizzazzjoni ta’ karità bl-isem ‘Passi and Beyond’. L-organizzazzjoni ‘Passi and Beyond’ tgħin pajjiżi bħall-Albanija u l-Filippini fejn il-faqar hija l-ordni tal-jum u t-tmiem tal-lejl.

Il-missjoni tal-organizzazzjoni ‘Passi and Beyond’ hija “Ngħinu n-nies vulnerabbli”, l-istess missjoni li jkollhom diversi kumpaniji teatrali Maltin u Għawdxin li jaħdmu sigħat twal bla ħlas biex jagħtu divertiment lill-pubbliku Malti u Għawdxi, mit-tfal sal-adulti, sal-anzjani, san-nies li jkunu waħidhom, nies bi bżonnijiet speċjali u familjari tagħhom u nies li ma jkunux jifilħu.

Xejn inqas il-ħidma tal-kumpanija teatrali ‘ACTion Productions’ li emigrat minn l-isem ta’ ‘MIXTA Productions’ għall-ewwel produzzjoni tagħha bl-isem “Jien nagħżel Cindirella fl-aqwa żmien”. L-organizzaturi ta’ ‘ACTIon Productions’ għandhom esperjenza ta’ kif jiddevertu l-pubbliku bil-produzzjonijiet ‘Aladdin u l-bella kumpanija fil-Panama’ miktuba mill-awtur frisk u żagħżugħ Sonic-j Aquilina, u ‘It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla’ miktuba mill-mibki u qatt minsi Charles Clews.

Il-kitba ta’ Sonic-j Aquilina sejra terġa’ tiġi animata fil-pantomima “Jien nagħżel Cindirella fl-aqwa żmien”. Cindirella hija storja ta’ tfajla fqira skjava taħt dar u familja mimlija fil-flus. Minkejja li Cindirella hija miżmuma fil-faqar, għandha ruħ u qalb tajba ħafna. It-tjubija ta’ Cindirella tkun ir-rikkezza tagħha. It-tjubija ta’ Cindirella ma titkejjilx bid-dehebijiet u bil-fidda li ma jkollhiex imdawwrin m’għonqha, l-istess bħat-tjubija tal-Prinċep li jsir iħobbha meta jiltaqa’ magħha fil-ballu, l-istess bħall-bnedmin li jgħixu fl-Albanija u l-Filippini u pajjiżi oħra foqra li għalihom din il-pantomima qiegħda tkun dedikata u maħduma, l-istess kumpanija teatrali ‘ACTion Productions’ u kumpaniji teatrali oħra li joffru bla ħlas u interessi oħrajn ħlief li jgħinu u jagħtu gost lill-ħaddieħor; ir-rikkezza tal-ħin, it-talent, is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni wara ġurnata xogħol. Il-kejl tar-rikkezzi hija l-imħabba u mhux il-flus. Dan huwa l-kejl ta’ ‘Passi and Beyond’, ‘ACTIon Productions’ u l-istorja tal-persuna ta’ Cindirella.

Il-kitba ta’ Sonic-j Aquilina f’din il-pantomima hija mżejna b’ironija, sarkażmu, ċajt u satira. Is-satira lejn il-faqar u l-imħabba. It-titlu ta’ din il-pantomima hija wkoll ċajta għall-frażijiet li użaw iż-żewġ partiti politiċi ewlenin fl-elezzjoni ġenerali tas-sena 2017.

“Jien nagħżel Cindirella fl-aqwa żmien” hija taħt id-direzzjoni ta’ Sonic-j Aquilina u Clayton Pace li jgħallmu, jieħdu ħsieb u jmexxu l-iskola tad-drama ‘MIXTA DRAMA by Clayton Pace’. Jieħdu sehem atturi mix-xena televiżiva bħal Michael Stivala, Sonic-j Aquilina, Clayton Pace, Martina Mai Seychell, Jesmond Mizzi, Ileana Cutajar u Sandro Vella. Jieħdu sehem uċuh ġodda bħal Joeylne Scerri, Gaetrya Attard, John Paul Vella, Christian Attard u l-istudenti ta’ ‘MIXTA DRAMA by Clayton Pace’ fost oħrajn. Bis-sehem ukoll taż-żeffiena minn żewġ organizzazzjonijiet; ‘Hypnotic Dancers’ ta’ Angelle Vella u ‘Vanity Dancers’ ta’ Maria Mizzi.

“Jien nagħżel Cindirella fl-aqwa żmien” qalb żfin u kant se tittella’ fit-Teatru Dun Mikiel Xerri qrib il-Knisja Parrokkjali tal-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ; il-Ġimgħa 8 ta’ Diċembru 2017 fis-7 ta’ filgħaxija, is-Sibt 9 ta’ Diċembru 2017 fis-7 ta’ filgħaxija u l-Ħadd 10 ta’ Diċembru fl-4 ta’ wara nofsinhar.

Il-prezz tal-biljetti huma 8 ewro għall-adulti u 4 ewro għall-etajiet inqas minn erbatax -il sena. Ix-xiri tal-biljetti jsir permezz ta’ telefonata fuq numru ċellulari 79337273.

Aħbarijiet Oħra
Informazzjoni

Il-Malta Society of Arts se tkun qed toffri aktar minn tletin kors fl-Arti Viżiva, Applikata u tal-Ispettaklu li se jibdew fl-aħħar ta’ Jannar 2018 L-applikazzjonijiet għall-korsijiet tal-Malta Society of Arts…

Informazzjoni

L-GĦAQDA FILANTROPIKA TALENT MOSTI bi pjaċir tistiednek iżżur l-20 edizzjoni Tal- Wirja Tradizzjonali tal-Milied Fiċ-Ċentru ta’ Kultura Nazzjonali fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fi Triq Wied il-Għasel, il-Mosta Bejn it-13 ta’ Diċembru 2017 u…

Informazzjoni

Is-Soċjeta’ Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own Birkirkara sejra ttella’ wirja għal żmien il-Milied bl-isem ta’ “”Verbum Dei Caro Factum Est – San Ġorġ Preca u l-Milied” fil-kmamar tal-kantina…

Informazzjoni

Il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex organiżża cleanup ohra b’suċċess.  Huma ngħaqdu ma’ “Get Trashed Malta” u St. John Rescue Corps biex imexxu din l-operazzjoni taħt il-bahar il-Ħadd 26 ta’ Novembru…

Aktar