Attivita'
Mużika Franċiża se tagħlaq staġun ta’ kunċerti tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) se tagħlaq staġun ta’ kunċerti li fih iċċelebrat il-ħamsin anniversarju tagħha b’kunċert iddedikat lill-mużika Franċiża tas-seklu 19 nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Ġunju.

Il-kunċert, li jġib l-isem Berlioz le Fantastique, se jittella’ f’Dar il-Mediterran, u se jkun hemm orkestra ta’ mitt mużiċist taħt id-direzzjoni tad-direttur tal-orkestra Franċiż Raoul Lay.

Kif jagħti ħjiel ismu, il-kunċert se jagħti prominenza lill-kompożitur Franċiż tal-era romantika Hector Berlioz. Però, il-kunċert jibda bil-Prélude à l’Après-midi d’un Faune ta’ Claude Debussy, xogħol ispirat minn poeżija ta’ Stéphane Mallarmé u li meqjus bħala wieħed mix-xogħlijiet li ta bidu għall-mużika moderna.

Wara x-xogħol ta’ Debussy, l-orkestra tingħaqad mas-sopran Gillian Zammit biex iddoqq iċ-ċiklu ta’ kanzunetti ta’ Berlioz Les Nuits d’Été, setting mużikali ta’ sitt poeżiji ta’ Théophile Gautier. It-tema ta’ dawn il-poeżiji hi l-progress tal-imħabba, li jibdew bil-bidu tagħha fiż-żgħożija, ikomplu għall-agunija tat-telfa tagħha, u jispiċċaw bit-tama tat-tiġdid etern.

Il-kunċert jagħlaq b’wieħed mill-aktar xogħlijiet rinomati ta’ Berlioz, is-Symphonie Fantastique. Dan ix-xogħol hu eżempju bikri ta’ sinfonija programmatika, li tgħid l-istorja ta’ artist li jkollu viżjonijiet wara li jivvalena lili nnifsu bl-oppju minħabba mħabba mhux reċiprokata.

Is-sinfonija hi ispirata minn infatwazzjoni li l-kompożitur kellu għal attriċi Irlandiża, Harriet Smithson, li kien ra fuq palk, imma li qatt ma kien kellem u li ma rrisponditx numru ta’ ittri li kitbilha. B’riżultat ta’ dan ix-xogħol, il-kompożitur spiċċa biex jiltaqa’ ma – u jiżżewweġ – l-attriċi: però, iż-żwieġ kien wieħed infeliċi għall-aħħar, u l-koppja spiċċat isseparat.

Biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinkisbu minn fuq www.showshappening.com, jew direttament mill-box office ta’ Dar il-Mediterran.

Għalkemm il-kunċert jimmarka l-għeluq uffiċjali tal-istaġun 2017/18 tal-orkestra, warajh ikun hemm sensiela ta’ kunċerti sajfin għall-MPO, l-ewwel wieħed fosthom Mediterranean Soul, kunċert konġunt mal-Orkestra taż-Żgħażagħ ta’ Malta li se jsir fit-30 ta’ Ġunju.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Taħt id-direzzjoni tas-Surmast Etienne Spiteri, il-Banda San Ġiljan se ttella’ kunċert mużikali bl-isem Music from Vienna, li jikkonsisti minn repertorju esiġenti u magħruf tal-kompożitur Awstrijakk Johann Strauss Jr, li żgur…

Attivita'

Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Jannar, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali ġewwa l-Mdina se jniedi sensiela ta’ laqgħat dwar diversi temi li jkopru l-ambjent naturali Malti. L-għan ewlieni ta’ dawn il-laqgħat…

Attivita'

Id-Danusan reġgħu għamluha – is-sena l-oħra ħarġuha li nfirdu, u din is-sena, ġej Malta cruise bi prezzijiet jibdew minn €15. U ma qalu xejn li mhux veru! Skont li tellgħu…

Attivita'

Mis-Sibt, 22 ta’ Diċembru sal-Ħadd, 6 ta’ Jannar 2019, l-ewwel elf student/a li se jżuru siti jew mużewijiet ta’ Heritage Malta li jinsabu l-Belt Valletta, jew iċ-Ċittadella f’Għawdex, se jingħataw…

Aktar