Informazzjoni
“Naqqas il-konsum ta’ skart biex nipproteġu l-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni” il-messaġġ lid-delegati tal-Commonwealth

“L-iskart jista’ jkun evitat meta nagħmlu użu mill-ġdid jew meta nirriċiklaw il-prodotti” qal l-Ing Mario Schembri waqt il-preżentazzjoni tiegħu fil-Konferenza tal-Gvern Lokali tal-Commonwealth li saret hawn Malta bit-tema “F’saħħitna għall-futur: riżorsi u kapaċità għal Gvern Lokali effettiv”.

“Jekk irridu nagħmlu użu mill-ġdid tal-prodotti u / jew innaqqsu l-konsum tagħhom, jeħtieġ li l-prodotti jkunu ddisinjati u manifatturati b’ dan il-għan. Dan jissejjaħ eko-disinn u hu wieħed mill-għadd ta’ responsabbiltajiet li għandhom il-produtturi,” qal l-Ing. Schembri, membru tal-bord tal-Extended Producer Responsability Alliance (EXPRA) u l-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak Cooperative Society.

Matul kull fażi fiċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, mid-disinn inizjali, l-għażla tal-materjali, il-manifattura, l-użu sal-ġbir tiegħu meta jsir skart, dawn il-fażijiet kollha jinfluwenzaw id-destin ta’ prodott wara li jkunu intuża mill-konsumatur. Dan il-kunċett, li jissejjaħ Extended Producer Responsibility  (EPR), sar prinċipju stabbilit fil-politika ambjentali tal-ħajja ta’ kuljum. L-EPR jeżisti f’numru dejjem jikber ta’ pajjiżi u jwassal biex jittaffa’ l-piż tal-gvern lokali u ta’ dawk li jħallsu t-taxxi għall-ġestjoni ta’ prodotti li m’għadx għandhom użu, tnaqqis fl-ammont ta’ skart destinat għall-miżbla, filwaqt li jiżdiedu r-rati ta’ riċiklaġġ u l-ħarsien tar-riżorsi tagħna li mhumiex infiniti. L-EPR hu tajjeb għall-futur minħabba li jbiddel l-attitudnijiet tas-soċjetà tal-lum għall-benefiċċju ta’ ġenerazzjonijiet futuri.

“Għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri, is-soċjetà tal-lum jeħtieġ li tnaqqas il-konsum tar-riżorsi.  Dan jista’ jsir permezz ta’ programmi ta’ ġestjoni tajba ta’ skart li jinvolvu direttament lill-komunità u li jwasslu għal ambjent aħjar,” spjega l-Ing Schembri

L-avveniment tal-Commonwealth iffoka fuq strateġiji biex tingħata spinta  lill-bażi tar-riżorsi u l-kapaċità tal-gvern lokali u biex titjieb il-prestazzjoni, il-governanza u t-twassil tas-servizzi, ħalli jkun żgurat li dawn jaqdu id-domanda fil-ġejjieni.

Fil-preżentazzjoni tiegħu,  intitolata “Responsabbiltà tal-Produttur għal Gvern Lokali Effettiv”, l-Ing. Schembri spjega kif l-EPR jinvolvi lill-intrapriża privata, konsumaturi u gvern lokali billi jinkorpora responsabbiltà soċjali korporattiva u jipprovdi strument finanzjarju sostnut li jgħin jiżviluppa lill-infrastruttura tal-iskart u jiffinanzja l-edukazzjoni ambjentali. L-EPR hu għodda governattiva effettiva għall-immaniġġjar tal-iskart peress li jgħaqqad is-settur privat mal-komunità.

L-EXPRA hi l-alleanza tas-sistemi tal-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ u l-ippakkjar li huma proprjetà tal-industrija obbligata li jitħaddmu fuq bażi mhux għall-qligħ.  L-EXPRA taġixxi bħala l-vuċi awtorevoli u pjattaforma ta’ politika komuni li tirrappreżenta l-interessi tal-organizzazzjonijiet kollha tal-irkupru u r-riċiklaġġ tal-ippakkjar tal-membri tagħha mwaqqfa u mmexxija minn jew f’isem l-industrija obbligata. Dawn l-organizzazzjonijiet ta’ rkupru nazzjonali, li l-GreenPak Coop Society ta’ Malta hi membru fosthom, qed isegwu għanijiet simili biex jiżguraw l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart tal-imballaġġ bl-iktar mod effiċjenti ekonomikament u ekoloġikament tajjeb.

Għal aktar minn għaxar snin, il-GreenPak ilha topera programmi għall-ġbir ta’ skart ta’ imballaġġ, skart elettriku u elettroniku (WEEE) filwaqt li dan l-aħħar qed tħadem skemi ta’ ġbir ta’ batteriji (BATREE) f’Malta.

Aħbarijiet Oħra
Informazzjoni

Il-Malta Society of Arts se tkun qed toffri aktar minn tletin kors fl-Arti Viżiva, Applikata u tal-Ispettaklu li se jibdew fl-aħħar ta’ Jannar 2018 L-applikazzjonijiet għall-korsijiet tal-Malta Society of Arts…

Informazzjoni

L-GĦAQDA FILANTROPIKA TALENT MOSTI bi pjaċir tistiednek iżżur l-20 edizzjoni Tal- Wirja Tradizzjonali tal-Milied Fiċ-Ċentru ta’ Kultura Nazzjonali fir-Razzett tal-Markiż Mallia Tabone fi Triq Wied il-Għasel, il-Mosta Bejn it-13 ta’ Diċembru 2017 u…

Informazzjoni

Is-Soċjeta’ Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own Birkirkara sejra ttella’ wirja għal żmien il-Milied bl-isem ta’ “”Verbum Dei Caro Factum Est – San Ġorġ Preca u l-Milied” fil-kmamar tal-kantina…

Informazzjoni

Il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Xbiex organiżża cleanup ohra b’suċċess.  Huma ngħaqdu ma’ “Get Trashed Malta” u St. John Rescue Corps biex imexxu din l-operazzjoni taħt il-bahar il-Ħadd 26 ta’ Novembru…

Aktar