Attivitajiet Kulturali
Poeżija, jazz, u tazza nbid

Għal kważi ħamsin sena Victor Fenech ilu wieħed mill-poeti ewlenin ta’ pajjiżna. Mhux biss huwa poeta ta’ ħiliet lingwistiċi mill-aqwa, imma wkoll innovatur, li fost oħrajn introduċa l-poeproża fil-letteratura Maltija. Is-sena li għaddiet huwa ingħata rikonoxximent mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għall-kontribut uniku tiegħu fil-letteratura ta’ pajjiżna.

Nhar it-Tnejn, 9 ta’ April, bħala parti mis-sensiela ‘Iljieli fit-Teatru’, b’kollaborazzjoni bejn Pjazza Teatru Rjal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, se tittella’ serata fejn ix-xogħol ta’ Victor Fenech u l-poeta nnifsu se jkunu ċċelebrati, flimkien mal-ħiliet tal-pjanista jazz Joe Debono.

Victor Fenech se jkun intervistat minn Melvic Zammit, u l-poeta se jkun qed jaqra anke xi xogħlijiet minn tiegħu li kiteb tul il-karriera letterarja twila tiegħu.

Joe Debono, li huwa isem magħruf sew ma’ dawk kollha dilettanti tal-mużika Jazz f’pajjiżna, se jdoqq xogħlijiet jazz li jkopru t-tul tas-snin li matulhom ilu jikteb Victor Fenech.

Din mistennija tkun serata rilassata, ta’ interess għall-pubbliku in ġenerali, b’mod speċjali għal dawk l-istudenti li qegħdin jistudjaw il-Malti u għandhom il-poeżija ta’ Victor Fenech fis-sillabi tagħhom. Id-dħul huwa b’xejn u kulmin jixtieq jattendi għandu jibgħat email jikkonferma l-attendenza fuq [email protected]

Is-serata se ssir fil-Green Room ta’ Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta u tibda fis-7.30pm.

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

Għal sena oħra konsekuttiva, nhar il-Ħadd li ġej 21 ta’ Ottubru 2018 għall-ħabta tas-6.00 ta’ filgħaxija, ser tkun qiegħda tittella’ l-akbar fjakkolata fil-gżira ta’ Għawdex ġewwa r-raħal ta’ Santa Luċija….

Attivitajiet Kulturali

Nhar il-Ħadd, 7 t’Ottubru, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ Għar Dalam u l-Mużew tiegħu f’Birżebbuġa għall-pubbliku bla ħlas. Din hija opportunità biex wieħed iżur l-eqdem sit preistoriku li hawn…

Attivitajiet Kulturali

Jekk tħobb u għandek għal qalbek l-għasafar din l-attività żgur ma tistax titlifha. Biex tiċċelebra l-EuroBirdwatch18, BirdLife Malta se tagħmel sensiela ta’ attivitajiet fil-Buskett nhar is-Sibt 6 u l-Ħadd 7…

Aktar