Attivita'
Qtajja’ taċ-ċief jagħtu spettaklu fl-irdum Ta’ Ċenċ

Iċ-Ċiefa (bl-Ingliż Scopoli’s Shearwater) hija għasfur tal-baħar li jqatta’ ħajtu fuq l-ilma u jersaq lejn l-art biss biex ibejjet. Dan l-għasfur ibejjet f’diversi rdumijiet madwar il-Gżejjer Maltin, u f’Malta għandna 3% tal-popolazzjoni dinjija tiegħu (bejn 4,000 u 5,000 par) bl-akbar kolonja tinstab fl-Irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex.

Matul iż-żmien meta jkun qed ibejjet f’Malta, dan l-għasfur jipprovdi spettaklu uniku fuq il-baħar ’il barra minn dawn l-irdumijiet hekk kif mijiet, u kultant eluf, ta’ Ċief jinġemgħu fi gruppi mdaqqsa hekk kif tkun nieżla x-xemx u jagħmlu dak li jissejjaħ ‘rafting’ fuq wiċċ l-ilma qabel ma jidħlu lura fil-bejta tagħhom fl-irdum hekk kif jidlam.

Dan il-fenomenu naturali mill-isbaħ joffri spettaklu mhux tas-soltu hekk kif ħafna minn dawn l-għasafar ikunu jistgħu jiġu osservati jittajru fil-baxx flimkien fi qtajja’ kbar bl-għajta partikolari tagħhom tidwi mal-blat tal-irdumijiet fejn ibejtu. Dan il-fenomenu annwali jdum għaddej kemm idum il-perjodu tal-bejta ta’ dawn l-għasafar imma l-qofol – jiġifieri meta wieħed jista’ josserva dawn l-għasafar fi gruppi kbar ħafna – jintlaħaq f’Ġunju u Lulju.

Ta’ kull sena, f’dan il-perjodu partikolari tas-sena BirdLife Malta tipprovdi l-opportunità lill-pubbliku biex igawdi dan il-fenomenu naturali li jiżvolġi fuq il-baħar billi torganizza vjaġġi lejn iz-zona ta’ taħt Ta’ Ċenċ fl-eqqel tal-istaġun taċ-Ċief. Din is-sena se jsiru erba’ vjaġġi minn dawn organizzati minn din l-NGO ambjentali.

Il-vjaġġi se jsiru l-Ġimgħa 19 u s-Sibt 20 ta’ Lulju, u fi tmiem il-ġimgħa ta’ wara, il-Ġimgħa 26 u s-Sibt 27 ta’ Lulju. F’kull wieħed mill-vjaġġi d-dgħajjes jitilqu fis-6.30pm mill-moll tal-Marfa (faċċata tal-lukanda Riviera) ħlief għal dak tal-Ġimgħa 26 ta’ Lulju. Dan il-vjaġġ partikolari se jkun wieħed speċjali għall-Għawdxin – jitlaq minn, u jerġa’ lura lejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex.

Dawn il-vjaġġi qed jiġu organizzati taħt il-kappa tal-proġett LIFE Arċipelagu Garnija – proġett kofinanzjat minn fondi tal-programm LIFE tal-Unjoni Ewropea li permezz tiegħu BirdLife Malta qed tmexxi studju mifrux fuq ħames snin dwar għasfur ieħor tal-baħar li għandna fil-Gżejjer Maltin – il-Garnija, bl-Ingliż ‘Yelkouan Shearwater’.

Biex wieħed jara aktar dettalji u jibbukkja post fuq wieħed minn dawn il-vjaġġi, irid jidħol fis-sit elettroniku https://birdlifemalta.org

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

On Friday 9th August Pjazza Teatru Rjal presents the third edition of Notte Italiana. It has become somewhat of a tradition that we usher in the month of August with…

Attivita'

Bħal-lum ġimgħa, il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali se tkun qed tesegwixxi Programm Mużikali bl-isem ta’ ‘Swing Summer Night’ fil-Każin San Gejtanu fit-8pm. Id-dħul għal dan il-Programm Mużikali…

Attivita'

Fis-26 ta’ Lulju, fiċ-Ċittadella, il-Kumitat Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Reġjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, se jikkommemora l-Assedju ta’ Għawdex 1551  bi dramm. Id-dramm imqassar tal-Isqof Ġużeppi Cauchi ”Jasar u Fidwa”…

Aktar