Fil-familja Mercieca erbat aħwa jgħixu taħt l-istess saqaf: Anon, Franklin, David u Petra.

F’24 siegħa jiġri minn kollox: jum il-votazzjoni f’elezzjoni ġenerali li waslet għal għarrieda, u li ħabtet mal-festa tar-raħal u mat-tieġ ta’ Petra.

David qed jikkontesta għall-ewwel darba. Franklin, iffissat fin-nar tal-art, joħroġ filgħodu għall-marċ u jidħol lura mal-Pulizija. U Petra, li ilha tfaddal u tippjana dat-tieġ tliet snin, se jkollha tmur il-knisja f’nofs carcade tal-partit rebbieħ tal-elezzjoni.

U ħadd ma jrid jikkanċella xejn.

Repubblika Immakulata hija kummiedja oriġinali ta’ Simone Spiteri, kittieba sinonima mat-teatru kontemporanju, u rebbieħa ta’ żewġ premji Francis Ebejer. Id-dramm jesplora dak li jagħmilna Maltin fis-snin bikrin ta’ dan is-seklu ġdid. Dwar kif dak li dari kien jiddefinixxina bħala ‘Maltin’, u li af m’għadux li kien u lanqas m’għadu validu. Anki jekk insibuha bi tqila biex naċċettawha.

U waqt li kultant nibqgħu niggranfaw ma’ idea nostalġika tal-identità tagħna, is-seklu 21 jibqa’ jisfidana: irrelevanti jekk aħniex lesti għalih jew le.

Kast: Andrè Agius, Magdalena van Kuilenburg, Mark Mifsud, Kristjana Casha Akkartal, Ryan Cutajar, Andrè Mangion, Pierre Stafrace.  Dati: 29, 30, 31 ta’ Marzu u 5, 6, 7 ta’ April fit-8pm.

Dù Theatre f’ko-produzzjoni ma’ Spazju Kreattiv. Għal iktar tagħrif u biljetti żur: https://www.kreattivita.org/en/event/repubblika-immakulata/