Attivita'
Roof Garden – attrazzjoni ġdida waqt il-Valletta Green Festival 2018

Se jinfetaħ roof garden fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, bħala parti mill-Valletta Green Festival li se jkun qed jittella’ bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju, 2018.

Pjazza San Ġorġ, waħda mill-ikbar spazji miftuħa fil-Belt Valletta, se titrasforma ruħha f’tapit kbir u kkulurit għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Valletta Green Festival, li qed jiġi organizzat minn Valletta 2018.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival, li ilu jiġi organizzat mill-2015, se tkun ikbar u aqwa minn edizzjonijiet tal-passat. Bejn it-3 u s-6 ta’ Mejju, il-pjazza se tkun kompletament miksija b’iktar minn 150,000 pjanta, fuq medda ta’ iżjed minn 100,000 metru kwadru. Dan se joħloq atmosfera unika fil-Belt. L-infjorata ta’ din is-sena tistieden lil dawk li jżuruha sabieh jimxu mixja ġo fiha u madwarha.

Se jkun qed jittella’ programm t’attivitajiet għall-familja kollha matul tmiem il-ġimgħa. Dan il-programm joffri opportunità unika biex wieħed iżur ftit mit-teżori storiċi moħbija fil-Belt, inkluż il-ġonna qodma tal-Palazz tal-Arċisqof u l-Piano Nobile, il-ġonna tal-monasteru ta’ Santa Katerina, il-knisja u l-ġonna ta’ Santu Wistin, kif ukoll il-ġonna tal-Bażilika ta’ San Duminku. Dawn se jkunu miftuħa bejn id-9.30pm u n-12.30pm kif ukoll bejn l-4pm u s-7pm, mill-ġimgħa sal-Ħadd.

Fi Pjazza San Ġorġ se tkun qed tittella’ wkoll esibizzjoni minn diversi għaqdiet non-governattivi, inkluż iċ-Ċentru Kulturali għaċ-Ċina f’Malta, WasteServ, ELC u Garby & Tidy. Xarulu u Solar Cinema se jipprovdu divertiment għal dawk preżenti permezz ta’ muzika kif ukoll wirja ta’ film qasir. Solar Cinema se jkunu wkoll qed itellgħu laqgħat ta’ ħidma dwar il-filmografija bl-istampi għat-tfal, bl-użu ta’ materjal reċiklat. Il-films li jinħolqu matul dawn il-lagħat se jkunu murija fuq bajjiet Maltin bejn Mejju u Ottubru sabiex jitgawdew minn diversi familji u tfal.

Valletta Green Festival huwa pjattaforma aċċessibli li jipprovdi divertiment għall-familja kollha kif ukoll jippromwovi inizjattivi ta’ kuxjenza dwar l-indafa u l-ambjent fil-Gżejjer Maltin.

Ir-roof garden fuq il-bejt tal-Gwardja Prinċipali se tibqa’ miftuħa sat-13 ta’ Mejju.

Dan il-proġett ta’ Valletta 2018 qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent, u t-Tibdil fil-Klima, il-Konsorzju ELC, id-Dipartiment PARKS bħala parti mill-kampanja Tree 4 U, WasteServ Malta Ltd, European Green Week u diversi għaqdiet non-governattivi oħrajn.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Nhar is-Sibt 11 t’Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, il-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown se tella’ t-tieni edizzjoni tal-kunċert Notte Italiana. Għal darba oħra dan il-kunċert ser ikun…

Attivita'

Biex tiżdied iktar il-kuxjenza dwar il-volumi ta’ skart tal-plastik li jintrama’ u jispiċċa fil-baħar, tliet għawwiema se jagħmlu sfida b’għama ta’ 70 kilometru madwar Malta. It-tliet għawwiema – Neil Agius,…

Attivita'

Qatt kilt laħam tal-kukkudrill?  Tixtieq tippruvah?  Issa huwa ċ-ċans li dduq kebabs tal-kukkudrill waqt l-edizzjoni li jmiss tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel fl-Imdina. L-aroma tal-kċina Amerikana, Ġermaniża, Taljana, Spanjola, Orjentali, Tajlandiża,…

Aktar