Kultura
Se jinfetaħ esklussivament għall-istudenti bil-Viża ta’ Heritage Malta

Nhar it-Tnejn, 4 ta’ Novembru, dawk l-istudenti kollha li akkwistaw il-viża tagħhom bil-Passaport ta’ Heritage Malta huma mistiedna għall-avveniment esklussiv li se jsir fis-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad.

Din il-viża qed tingħata lill-istudenti meta jikkollezzjonaw għaxar timbri differenti waqt iż-żjajjar tagħhom f’għaxar siti u mużewijiet varji ta’ Heritage Malta. Żewġ adulti jistgħu jakkumpanjaw kull student għal din l-okkażjoni speċjali.

L-isem tas-sit ta’ San Pawl Milqi tnebbaħ mill-kappella ċkejkna ta’ San Pawl Milqi li fin-nofs tas-seklu 17 ħadet post kappella aktar bikrija li nbniet fis-seklu 15 u li kienet iddedikata lil San Pawl Bindichi. It-tnejn inbnew fuq il-fdalijiet ta’ villa Rumana li tradizzjonalment hija marbuta mad-dar ta’ Publiju, u allura l-post fejn San Pawl ġie milqugħ mill-Ewwel Ċittadin.

Dan l-avveniment joffri opportunità unika lill-istudenti u lill-adulti li jakkumpanjawhom biex iżuru dan is-sit interessanti li bħalissa jkun miftuħ biss permezz ta’ appuntament.

Se jkun hemm 4 sessjonijiet fid-9.15am, fl-10.15, fil-11.15 u fil-12.15pm. Massimu ta’ għaxart itfal se jiġu aċċettati għal kull sessjoni.

Kull sessjoni se tkun maqsuma fi tnejn: tibda bi żjara qasira fis-sit ta’ San Pawl Milqi, u ssegwi b’attività relatata mat-trobbija tan-naħal u mat-teknika tal-produzzjoni tal-għasel.

Kull min hu ALLERĠIKU għan-naħal m’għandux jipparteċipa. Minħabba l-preżenza tan-naħal fis-sit, huwa rakkommandat li l-parteċipanti ma jilbsux żraben miftuħa, u ma jużawx fwieħa qawwija jew ġel. L-attività konnessa man-naħal se tkun biss għall-10 itfal li se jiġu provduti bi ħwejjeġ protettivi. Adulti u tfal żgħar mhux se jkunu permessi jersqu fil-qrib għal raġunijiet ta’ sigurtà.

Dan l-avveniment huwa bla ħlas u japplika biss għal dawk li għandhom il-Viża u l-Passaport ta’ Heritage Malta. Madanakollu, dawk li jixtiequ jipparteċipaw għandhom jibbukkjaw il-biljetti minn qabel.

Il-biljetti jistgħu jiġu akkwistati minn kull sit u mużew ta’ Heritage Malta. Mhux se jkun hemm il-possibilitá li takkwista biljetti mis-sit dakinhar. Dawn il-biljetti flimkien mal-Passaport u l-Viża ta’ Heritage Malta għandhom jiġu ppreżentati biex jinkiseb aċċess għal dan l-avveniment.

Għal aktar informazzjoni, żur is-sit www.heritagemalta.org jew il-paġna uffiċċjali ta’ Facebook.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Is-Sibt 16 ta’ Novembru, is-Soċjetà Filarmonika Leone se tippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Banda Ċittadina Leone, ‘Encore! – The Leone Band in Concert’. Dan il-kunċert, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Colin Attard, se…

Kultura

Nhar il-Ħadd, 3 ta’ Novembru, Heritage Malta qiegħda tistieden lill-pubbliku biex iżur il-Katakombi ta’ San Pawl u ta’ Santu Wistin li jinsabu r-Rabat, waqt Open Day fejn id-dħul se jkun…

Kultura

L-Għaqda Żgħażagħ Dumnikani l-Birgu, ħabbret li mill-festa ta’ din is-sena 2019 ‘il quddiem, bħala kampanja favur l-ambjent, mhux ħa jintużaw bżieżaq (single use plastic) bħala parti mill-briju waqt il-marċijiet. Minflok…

Kultura

L-oriġini tal-festi Maltin imur lura għal nofs is-seklu tmintax. Din it-tradizzjoni baqgħet tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra, tul iż-żmien. Fir-raħal ta’ Ħal Luqa, il-festa ad unur il-patrun Sant’ Andrija hija…

Aktar