Attivita'
Se tittella’ t-13-il edizzjoni tal-Festival tal-logħob tan-nar tal-art
Ritratt: Angelo Caruana Photography

Il-Kunsill Lokali Floriana ser jorganiżża b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu, it-tlettax-il edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il-Fosos tal-FlorianaIt-Tlettax-il Edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju, 2019.

Il-Festival ta’ din is-sena ser jerġa’ jkun wieħed kompetittiv u b’parteċipazzjoni ta’ tmien Kumplessi / Għaqdiet tan-Nar li ser ikunu qed jikkompetu għat-titlu billi jesebixxu żewġ biċċiet tan-nar mekkanizzati. Dan il-festival, issa magħruf sew għall-irdieden kbar li jiġu esebiti, ser isir bħal dejjem fl-akbar pjazza f’Malta – Pjazza San Publiju, fuq il-Fosos tal-Floriana lejliet il-festa titulari tal-Floriana ad unur ta’ San Publju. Il-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art ser jibda fl-10.30 pm. B’kollox ser ikun hemm 16-il biċċa ta’ struttura tikkompeti.

Ir-rebbieħ tal-Festival ser jiġi magħżul fuq l-aħjar merti fi tliet kategoriji:

i. għall-aħjar mekkaniżmu,
ii. għall-aħjar prodotti użati,
iii. għall-aktar esebizzjoni oriġinali f’dawk li huma disinn u movimenti.

Kull kategorija jkollha rebbieħ li jingħata trofew filwaqt li r-rebbieħ fost il-kategoriji kollha jiġi ddikjarat bħala r-rebbieħ tal-festival u jingħata trofew u “shield” li tinżamm għal sena.

Il-ġurija ser tkun magħmula minn tliet pirotekniċi internazzjonali. Chairman Malti ikun bħal kull sena, persuna intiża fil-piroteknika Maltija. Il-ġurija ser tevalwa x-xogħlijiet tan-nar waqt l-armar, waqt il-ħruq u anke permezz ta’ filmati, biex finalment tkun f’pożizzjoni li tħabbar ir-rebbieħa nhar it-Tnejn 6 ta’ Mejju filgħaxija.

Is-sena l-oħra, l-edizzjoni ta’ dan il-Festival Nazzjonali ntrebħet mill-Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu tal-Mosta. Bi pjaċir il-Kunsill iħabbar li l-dan il-kumpless tan-nar aċċetta l-istedina li jagħlaq il-Festival b’tapit maħdum minnhom.

Il-parteċipanti tal-Festival huma:

Għaqda tan-Nar Soċjetà Mużikali San Gabriel – Balzan

Kummissjoni tan-Nar San Pietru fil-Ktajjen – Birżebbuġa

Kumpless tan-Nar Madonna taċ-Ċintura – Il-Gudja

Kumpless tan-Nar 15 t’ Awwissu – Il-Mosta

Kumpless tan-Nar Madonna tal-Ġilju – L-Imqabba

Kumpless tan-Nar San Filep – Ħaż-Żebbuġ

Kumpless tan-Nar Madonna tal-Karmnu – Iż-Żurrieq

Kumpless tan- Nar Santa Katarina – Iż-Żurrieq

F’każ li ma jkunx possibli li dan il-Festival isir fil-ġurnata skedata minħabba maltemp, ġie deċiż li dan isir l-għada l-Ħadd 5 ta’ Mejju fl-istess ħin wara li tidħol il-purċissjoni ta’ San Publiju.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Mejju, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-NGO Friends of Villa Frere qed jistiednu lill-pubbliku biex iżur il-ġonna kurjużi ta’ Villa Frere f’Tal-Pietà. Għalkemm fl-aqwa żmien tiegħu dan il-post…

Attivita'

Il-Ġimgħa 17 ta Mejju, mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar, fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, il-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà, f’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, ser ikunu qegħdin jorganizzaw it-tieni edizzjoni…

Attivita'

Nhar il-Ħadd, 12 ta’ Mejju, Heritage Malta se tiftaħ il-katakombi Ta’ Mintna fl-Imqabba bil-prezz imraħħas ta’ €2. Dan is-sit mhux soltu li jkun miftuħ għall-pubbliku u l-aċċess għalih isir b’appuntament….

Attivita'

Il-Kunsill Lokali Floriana u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu javżaw li nbidel il-ħin għat-XIII-il Edizzjoni tal-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat. Dan il-festival se jkun qed isir illejla s-Sibt 4 ta’ Mejju, fl-9.45pm,…

Aktar