Informazzjoni
Sensiela ta’ bolol dwar il-wirt reliġjuż fit-toroq taż-Żejtun

Il-Grupp Filateliku taż-Żejtun se jkun qed jibda sensiela ta’ bolol dwar il-wirt reliġjuż fit-toroq taż-Żejtun, bl-isem Niċeċ iż-Żejtun. L-ewwel sett ta’ ħames bolol personalizzati (fuq sheet waħda) u ħames postcards, se jkunu qed joħorġu nhar it-Tnejn, 30 ta’ April, 2018. Il-bolol b’għadd limitat jistgħu jinxtraw mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun bħala mint jew inkella bit-timbru tal-ġurnata tal-fergħa taż-Żejtun, imwaħħlin fuq envelopp kommemorattiv. B’kollox din is-sensiela se tkun ta’ 25 bolla u se toħroġ f’dawn is-sentejn.

Fiż-Żejtun insibu aktar minn 90 niċċa antika li jmorru lura għas-seklu 17. Dawn in-niċeċ għandhom devozzjoni kbira fiż-Żejtun u warajhom hemm stejjer interessanti. Ħafna min-niċeċ għandhom l-indulġenzi li ngħataw minn isqfijiet differenti, bl-aħħar waħda minnhom tkun dik tal-Madonna tar-Rużarju mgħotija mill-Aċrisqof Mikiel Gonzi fi żmien il-Konċilju Vatikan it-Tieni (fejn minn dan il-konċilju ħareġ li ma jistgħux jingħataw aktar indulġenzi lil dawn ix-xbihat fit-toroq).

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun kien tella wirja dwar in-Niċeċ u l-Istatwi f’Triqat iż-Żejtun lura għall-2015, fejn din kienet ġibdet attenzjoni kbira ta’ mijiet ta’ viżitaturi, u minn hawn beda aktar l-interess fost iż-Żwieten u l-barranin dwar is-sbuħija ta’ dan il-wirt reliġjuż f’triqat iż-Żejtun, li hu wieħed mill-aktar lokalitajiet li għandhu niċeċ wara Ħal Qormi u r-Rabat.

In-niċeċ ta’ dan is-sett juru; in-Niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes ta’ Triq Lorenzo Gafà f’Bir id-Deheb, In-Niċċa ta’ Kristu Kurċifiss (l-akbar niċċa fiż-Żejtun) ta’ Triq Taltas, Bisqallin, in-Niċċa tal-Madonna tal-Karmnu ta’ Sqaq il-Madonna tal-Bon Kunsill, l-Istatwa ta’ San Pawl ta’ Triq Marsaxlokk, u n-Niċċa tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Triq Santa Katarina, (li hemm referenza għaliha aktar ‘il fuq).Il-kwalità ta’ dawn il-bolol hi ta’ livell għoli kif il-MaltaPost stess faħħret id-disinn tagħhom.

Dawk li huma interessati li jordnaw dan il-bolol bit-timbru tal-ġurnata (first day cover), għandhom jagħmlu l-ordni tagħhom sa nhar il-Ħamis, 26 ta’ April, 2018, billi jibagħtu e-mail fuq [email protected] jew iċemplu fuq 21 663 866 jew 99 203 815

Aħbarijiet Oħra
Informazzjoni

Nhar l-Erbgħa, 6 ta’ Novembru fis-6.30pm, Heritage Malta qed torganizza t-taħdita Judicial Hanging in Malta sabiex titfa’ aktar dawl fuq l-istorja tal-forka, partikolarment fil-perjodu Ingliż. Din it-taħdita se ssir mill-Kuratur…

Informazzjoni

Dr Maxine Anastasi and Dr Ing. John C. Betts from the Department of Classics and Archaeology, University of Malta, and Mr Francesco Fontanelli, Heritage Malta, will be giving the first…

Informazzjoni

Nhar il-Ħadd, 28 t’Ottubru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex igawdi attivitajiet varji li qed jiġu organizzati fis-sit arkeoloġiku ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Bosta mill-attivitajiet se jiffukaw fuq il-produzzjoni,…

Informazzjoni

The 36th General Assembly of the European Seismological Commission will take place at the Mediterranean Conference Centre, Valletta between the 2nd and 7th September 2018. This prestigious conference is being…

Aktar