Attivita'
Taf b’dan il-ġnien sigriet f’Tal-Pietà?

Nhar il-Ħadd, 19 ta’ Mejju, Heritage Malta b’kollaborazzjoni mal-NGO Friends of Villa Frere qed jistiednu lill-pubbliku biex iżur il-ġonna kurjużi ta’ Villa Frere f’Tal-Pietà. Għalkemm fl-aqwa żmien tiegħu dan il-post kien magħruf bħala ġnien botaniku prestiġġjuż, għal bosta snin dan safa abbandunat kompletament u ftit kienu jafu bl-eżistenza tiegħu.

Kien John Hookham Frere, diplomatiku Brittanniku, poeta, studjuż u filantropista, li nissel dawn il-ġonna sbieħ sabiex isib konsolazzjoni wara l-mewt ta’ martu fl-1831. Minn dawn il-ġonna, li kellhom veduti mill-isbaħ li jkopru medda mill-Imdina sal-Belt Valletta, huwa seta’ wkoll iħares lejn iċ-ċimiterju Msida Bastion fejn kienet midfuna martu. Maż-żmien, il-post sar santwarju għal numru ta’ akkademiċi, poeti u awturi, fosthom ta’ Mikiel Anton Vassalli li huwa mifhum li qatta’ ħafna żmien ġewwa dan il-post f’Tal-Pietà, jiddiskuti ma’ Hookham Frere dwar kif se jistabbilixxi l-Malti bħala lingwa miktuba u mgħallma.

Din l-istorja romantika, flimkien mal-ġonna ta’ Villa Frere, għosfru fix-xejn mal-mewt ta’ Frere fl-1846. Is-sit spiċċa mitluq sakemm erbgħin sena wara, il-villa saret ir-residenza tal-Kaptan Edward Price. Bħala dilettant kbir tal-ġonna, Price ta l-ħajja mill-ġdid lil din il-proprjetà, introduċa selezzjoni ta’ pjanti eżotiċi minn madwar id-dinja, u ħoloq sezzjonijiet differenti ta’ ġonna. Huwa rnexxielu jikseb it-titlu ta’ ġnien botaniku u l-post sar attrazzjoni prominenti kemm għan-nies lokali, kif ukoll għall-barranin. Artisti famużi, pitturi, studjużi u saħansitra tliet monarki meddu passejhom ġewwa dawn il-ġonna lussużi. Fl-1930, il-ġonna deheru fir-rivista internazzjonali Country Life Magazine u b’hekk il-fama ta’ dal-post ġriet madwar id-dinja.

Illum, ftit aktar minn terz għadu jeżisti minn dak li kien hemm oriġinarjament, inkluż il-villa. Xorta waħda, il-post għadu jgawdi l-potenzjal li jiġbdek u jqanqlek bi sbuħitu. L-NGO Friends of Villa Frere ħadmet qatiegħ biex tipproteġi dak li fadal u biex tirrestawra l-ġonna u tagħtihom il-ħajja mill-ġdid.

Prezz: Donazzjoni ta’ €2 għal kull persuna. Biljetti jinxtraw mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta jew online fuq www.heritagemalta.org Mhux se jkun hemm biljetti għall-bejgħ dakinhar fuq il-post.

Żjara: Iż-żjarat jinkludu dawra mal-ġonna ta’ Villa Frere biss. Entratura għal dawn il-ġonna mill-Isptar ta’ San Luqa. Ħin: Mid-9.00am sal-5.00pm (l-aħħar żjara fl-4.00pm).

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Madwar 65 miljun sena ilu, meteorita ħabtet mad-dinja u d-dinosawri kollha li ma kienux relatati mat-tajr ġew istinti. Fin-nuqqas tagħhom, id-dinosawri li jtiru kibru fid-daqs u ddiversifikaw, b’uħud jevolvu fl-għasafar…

Attivita'

The National Library of Malta is inviting the general public to yet another lecture in the ‘POWER, COSTUME & SCENOGRAPHY: Making Fashion a Statement in 18th-19th Century Malta’ lecture series covering 2019-2020. The…

Attivita'

Ħal Għaxaq qed jipprepara biex jiċċelebra waħda mill-eqdem tradizzjonijiet tar-raħal; il-Karnival spontanju Għaxqi. Il-Karnival jibda l-Ġimgħa filgħodu għall-ħabta tad-9.30am b’attività bil-parteċipazzjoni tal-istudenti li jattendu l-iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq. Il-Karnival tal-Ħadd jikkonsisti f’serata bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ gruppi ta’ żfin u immedjatament…

Attivita'

Is-Soċjetà Mużikali tal-Beland fiż-Żejtun din is-sena se tkun qed torganizza edizzjoni oħra tal-Beland Music Festival. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun qed tittella fit-8, 9, u 10 ta’ Mejju ta’…

Aktar