Attivita'
Tmiem il-ġimgħa ta’ attivitajiet minn Milied Flimkien

Il-Kunsill Malti għall-Arti permezz ta’ Festivals Malta għal darb’ oħra qed jieħu ħsieb li jitfakkar il-Milied b’numru ta’ attivitajiet. Fosthom, qed issir kompetizzjoni tal-presepji li qed jieħdu sehem fiha numru sostanzjali ta’ parteċipanti fil-kategoriji rispettivi. Imbagħad, nhar it-23 u l-24 ta’ Diċembru, se tkun organizzata l-attività Milied Flimkien f’Misraħ il-Ħelsien fil-Belt Valletta.

Is-Sibt, 23 ta’ Diċembru

F’Misraħ il-Ħelsien il-programm ser jibda fil-16:45 b’kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Warrant Officer 1 Johnathan Borg.  Il-banda se ddoqq numru ta’ għanjiet tal-Milied flimkien ma’ siltiet mużikali oħra.  Għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija jkun hemm il-purċissjoni tal-bambin immexxija mis-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, il-M.U.S.E.U.M.  Din tibda minn Misraħ Kastilja u tgħaddi minn Triq il-Merkanti u Triq ir-Repubblika. Il-purċissjoni tal-bambin inbdiet minn San Ġorġ Preca 96 sena ilu, fis-sena 1921, fil-Ħamrun. Din it-tradizzjoni Maltija baqgħet speċjali f’qalb il-poplu Malti

Wara l-kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati f’Misraħ il-Ħelsien jixxandru l-messaġġi tal-Milied mill-awtoritajiet tal-pajjiż bi trasmissjoni diretta fuq Television Malta. Fl-istess trasmissjoni jieħu sehem ukoll il-kor ta’ Alison Ellul.

Wara l-messaġġi tal-Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, l-Eċċellenza Mons. Arċisqof, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onorevoli Prim Ministru, u l-Eċċellenza Tagħha l-President ta’ Malta jkun hemm programm ta’ kant u messaġġi tal-Milied imtella’ mit-tfal membri tas-soċjetà tal-M.U.S.E.U.M.

Il-Ħadd, 24 ta’ Diċembru

Fl-10:00 ser jittella’ spettaklu taż-żfin minn Annalise Dance Studio, b’korjografija ta’ Annalise Ellul, filwaqt li fis-18:30 ikun hemm il-kunċert annwali mill-Banda tal-Korp tal-Pulizija fi Pjazza Teatru Rjal.

Il-kunċert tal-Pulizija, li ilu jsir lejlet il-Milied għal dawn l-aħħar 24 sena, se jkollu t-tema “Winter Wonderland”. Flimkien mal-Banda li bħas-soltu se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha s-Supretendent Anzjan Anthony Cassar, se jipparteċipaw ukoll il-Malta Police Pipe Band u Guest Musicians Ensemble flimkien mal-kantanti Neville Refalo, Dorothy Bezzina, Roger Tirazona, Annalise Psaila, Jan Camilleri, il-kor Harmonic Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Ritienne Azzopardi u l-baritonu Paul Zammit, membru tal-Korp tal-Pulizija.  Id-dħul għal dan il-kunċert hu bla ħlas.

Aħbarijiet Oħra
Attivita'

Nhar is-Sibt 11 t’Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, il-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown se tella’ t-tieni edizzjoni tal-kunċert Notte Italiana. Għal darba oħra dan il-kunċert ser ikun…

Attivita'

Biex tiżdied iktar il-kuxjenza dwar il-volumi ta’ skart tal-plastik li jintrama’ u jispiċċa fil-baħar, tliet għawwiema se jagħmlu sfida b’għama ta’ 70 kilometru madwar Malta. It-tliet għawwiema – Neil Agius,…

Attivita'

Qatt kilt laħam tal-kukkudrill?  Tixtieq tippruvah?  Issa huwa ċ-ċans li dduq kebabs tal-kukkudrill waqt l-edizzjoni li jmiss tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Ikel fl-Imdina. L-aroma tal-kċina Amerikana, Ġermaniża, Taljana, Spanjola, Orjentali, Tajlandiża,…

Aktar