Wara 50 sena purċissjoni bl-istatwa tal-Kunċizzjoni f’Ħal Tarxien

Wara 50 sena l-Parroċċa ta’ Ħal Tarxien se toħroġ mill-ġdid l-istatwa tal-Kunċizzjoni.

Il-Fratellanza tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Ħal Tarxien din is-sena qed tagħlaq 350 sena mit-twaqqif tagħha fil-Parroċċa Arċipretali ta’ Marija Annunzjata. Għal din l-okkażjoni speċjali l-istatwa tal-Kunċizzjoni ser tinħareġ proċessjonalment mat-toroq ewlenin tal-Parroċċa wara nuqqas ta’ madwar ħamsin sena.

L-istatwa tal-Kunċizzjoni ser tinħareġ f’pellegrinaġġ nħar il-Ħadd 9 ta’ Diċembru filgħodu, wara konċelebrazzjoni solenni fid-9.30 am fil-Knisja Arċipretali tal-Lunzjata, immexxija minn Dun Christopher Ellul, Arċipriet ta’ Ħal Tarxien.

Il-Fratellanza tal-Kunċizzjoni ta’ Ħal Tarxien twaqqfet kanonikament mill-Isqof Lorenzo Astiria fit-22 ta’ Settembru, 1668. L-oriġini tal-Fratellanza iżda jsibu l-għeruq tagħhom madwar ħamsin sena qabel, meta twaqqfet il-Kongregazzjoni tal-Kunċizzjoni fit-8 ta’ Ottubru, 1622.

Madankollu, id-devozzjoni lejn il-Kunċizzjoni tmur lura ferm aktar fis-snin. Fil-fatt waqt li kienet għadha qed tinbena l-Knisja Parrokkjali, ċertu Dijonisju Calleja ngħata reskritt fl-1617 mill-Isqof Cagliares biex ikollu kappella dedikata lill-Kunċizzjoni fl-Knisja Parrokkjali l-ġdida. Fuq l-artal tagħha kien tqiegħed kwadru tal-Kunċizzjoni influwenzat ħafna mill-Guercino. Kwadru ieħor ħadlu postu fis-Seklu XVIII, xogħol Rocco Buhagiar kif għadu sallum.

Intant l-istatwa tal-Kunċizzjoni saret fil-kartapesta mill-istatwarju ċelebri Carlo Darmanin fl-1870. Saret fi żmien il-Kappillan Dun Paolo Lauron, li matul il-parrokat tiegħu l-Parroċċa Tarxiniża stagħniet bil-bosta hekk kif inġiebu minn Ruma l-kwadru titulari tal-Lunzjata u s-sotto-kwadru tal-Madonna tad-Duttrina fl-1874, xogħol Pietro Gagliardi.

Aħbarijiet Oħra
Mużika

The Embassy of France in Malta and the Embassy of Italy in Malta with the Italian Cultural Institute are organising a joint concert on Saturday 8th June at 7.30 pm…

Attivita'

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti qed ittella’ esebizzjoni tal-mużajk Of Land and Sea minn Raymond Aquilina u Flavia Marmara. Raymond Aquilina u Flavia Marmarà huma żewġ kollegi u artisti appasjonati fl-arti tal-mużajk….

L-Għaqda Filantropika Talent Mosti se ttella’ attività mal-awtriċi Margaret Agius. Din l-attività se ssir bħala parti mis-sensiela Niltaqgħu mal-Awtur. Margaret Agius hija attriċi, xandara u poetessa. Permezz ta’ video maħdum għall-okkażjoni, l-Awtriċi se tagħti…

Attivita'

Għada, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex jattendi għal laqgħa kommemorattiva f’isem l-iskultur Frans Galea, fil-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA. F’dan l-avveniment se jattendu familjari u ħbieb ta’ Galea biex jaqsmu…

Aktar