Attivitajiet Kulturali
Weħlu swat bil-frosta u qdif fuq ix-xwieni talli kielu ikel projbit

Nhar il-Ħamis li ġej, 25 t’April, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku għas-sitt sessjoni Milk in the 17th and 18th Century Malta, li se tittella’ fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu. Waqt dan l-avveniment, il-parteċipanti se jsegwu informazzjoni storika u t-tisjir ta’ riċetta antika relatati mal-prodotti tal-ħalib.

Il-Proċeduri Kriminali tal-Inkwiżizzjoni jixħtu dawl interessanti fuq il-konsum tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib mill-abitanti tal-gżejjer Maltin f’dawk iż-żminijiet.

Ġobon, butir, u prodotti oħra tal-ħalib kienu jiffurmaw parti mill-ikel komuni ta’ ħafna nies. Iżda dawn il-prodotti kienu jiġu ppreparati wkoll f’għamliet u qisien differenti sabiex ipaxxu l-palat ta’ konsumaturi aktar sofistikati. Il-kċina tal-Palazz tal-Inkwiżitur kellha t-tagħmir neċessarju sabiex jiġi ppreparat il-ġobon bħala kondiment.

L-influwenza qawwija tar-reliġjon li kien hemm dak iż-żmien ħolqot regoli riġidi ferm dwar dak li seta’ jittiekel. Il-ġranet kienu diviżi bejn giorni di magro u giorni di grasso. Ħalib, ġobon, butir, bajd, laħam u kull prodott li jsir mill-annimali, setgħu jiġu biss ikkunsmati waqt il-giorni di grasso, jiġifieri kull nhar ta’ Tlieta, il-Ħamis, il-Ħadd u l-festi Kattoliċi. Sakemm wieħed ma kellux xi konċessjoni medika, jew jekk tinħoloq xi emerġenza, il-konsum tal-prodotti tal-ħalib ma kienux permess kull nhar ta’ Tnejn, l-Erbgħa, is-Sibt, lejliet il-festi prinċipali Kattoliċi, u matul ir-Randan u l-Avvent.

Fl-1637, Gioanne Cassar, Antonio Calayro, u Vincenzo Bezzula spiċċaw ħażin meta waqt li kienu suppost għaddejjin b’sentenza spiritwali talli kielu l-ġobon, is-salami u l-perżut moqli fil-butir u mħawwar bil-ġobon maħkuk waqt ir-Randan, instabu mill-ġdid ħatja li kielu prodotti tal-ħalib fi ftit tal-ġranet. L-offiża ripetuta u mżejjna b’gideb li taha x’jifhem li kellhom permess speċjali inkwiżitorjali biex jikkunsmaw dan l-ikel waqt ir-Randan, sarrfet f’kastig aħrax ta’ swat bil-frosta fil-pubbliku u sentejn jaqdfu fuq ix-xwieni!

Il-kultura relatata mal-ħalib inbidlet konsiderevolment fis-seklu 20 meta l-awtoritajiet investew ħafna enerġija biex jedukaw lill-Maltin ħalli jikkunsmaw il-ħalib pastorizzat. Madanakollu, dawn l-iżviluppi ntlaqgħu b’reżistenza sinifikanti.

L-istoriku tal-ikel, Dr Noel Buttigieg, se jħajjar lill-parteċipanti biex jesploraw din it-tema affaxxinanti, filwaqt li l-kok Josef Baldacchino se jkun qed imexxi sessjoni ta’ tisjir fejn partikolarment se jkun qed juri kif kienet tissajjar il-latte alla portughesa, li kienet speċi ta’ crème caramel tal-1748.

Biljetti ta’ €12 kull persuna (€10 għall-membri ta’ Heritage Malta), jistgħu jinxtraw mill-mużewijiet u s-siti kollha ta’ Heritage Malta, jew online.

Ħin: 7.30pm

Għal aktar informazzjoni, ċemplu fuq 21663731 jew idħlu fis-sit www.heritagemalta.org

Aħbarijiet Oħra
Attivitajiet Kulturali

Bejn il-Ġimgħa 3 ta’ Mejju u l-Ħadd 5 ta’ Mejju, il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jorganizza attività ta’ spettaklu, kultura, tradizzjonijiet, esebizzjonijiet ta’ arti u fotografija, varjetà ta’ attivitajiet…

Attivitajiet Kulturali

Il-Karnival huwa wieħed mill-eqdem festivals storiċi f’Malta, bi ftit inqas minn ħames sekli ta’ storja kkreditata u dokumentata li tmur lura għal żmien il-Kavallieri f’Malta. Kreazzjonijiet artistiċi ġodda jinħolqu waqt…

Attivitajiet Kulturali

Bejn il-25 ta’ Jannar u s-17 ta’ Frar se tittella’ s-7 edizzjoni tal-festival tal-arti u kultura Kristjana fir-Rabat (Malta), b’enfasi fuq il-kult Pawlin. Il-festival organizzat mill-Fondazzjoni Paulus jikkonsisti f’9 attivitajiet…

Attivitajiet Kulturali

L-Antartika huwa l-iksaħ kontinent, l-iżjed wieħed niexef u bl-ogħla elevazzjoni medja. Huwa wkoll il-kontinent li jinsab l-aktar l-isfel fin-naħa tan-nofsinhar tad-dinja. Peress li ż-żjarat huma ristretti, għalja u diffiċli, l-Antartika…

Aktar